Filmat: L-anzjani f’Malta jiġu abbużati l-aktar b’mod emozzjonali – Tabib

Read in English.

Tabib Malti li jaħdem l-Awstralja qal li kemm minn xi ftit studji żgħar li saru, kif ukoll mill-esperjenza tiegħu meta kien jaħdem Malta, l-anzjani fil-pajjiż jiġu abbużati l-aktar b’mod emozzjonali.

Dan qalu Dr Carmelo Aquilina, id-Direttur Kliniku tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali għall-Anzjani f’Sydney u jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt wara lezzjoni li għamel mal-infermiera u t-tobba li jaħdmu fl-Isptar Monte Karmeli.

Skont id-Dikjarazzjoni ta’ Toronto tal-2002, tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-abbuż fuq l-anzjani huwa definit bħala att wieħed jew repetut, jew nuqqas ta’ azzjoni f’relazzjoni fejn hemm aspetattivi ta’ fiduċja. L-atti partikolari jwasslu għal ħsara jew stress għal persuni anzjani.

Dr Aquilina spjega li f’Malta ma hawnx studju sistematiku fuq il-massa iżda hemm diversi studji li saru fuq numru żgħir ta’ anzjani. Qal li l-ftit litteratura li hemm u mill-esperjenza tiegħu stess meta kien jaħdem Malta jidher l-abbuż emozzjonali huw dak ta’ kliem krudili. Qal li ltaqa’ wkoll ma’ abbuż finanzjarju fejn bosta qraba u ħbieb jippruvaw jieħdu vantaġġ mid-deterjorazzjoni tas-saħħa tal-anzjani biex jieħdulhom il-ġid. Imbagħad semma wkoll li t-tielet l-akbar tip ta’ abbuż komuni huwa l-abbuż fiżiku.

L-abbuż fuq l-anzjani problema universali

Dr Aquilina qal li l-abbuż fuq l-anzjani huwa problema universali jiġifieri mhix xi ħaġa speċjali għal Malta. Minkejja dan qal li f’Malta din il-problema teżisti wkoll. Qal li hemm bżonn standards għoljin u professjonali li jinkoraġġixxu u jaġixxu għal min m’għandux is-saħħa.

Intant, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Infermiera Psikjatriċi (MAPN) li organizzat il-lezzjoni, Kevin Gafá, qal ma’ Newsbook.com.mt li bħala professjonisti jridu jkunu konxji ta’ din ir-realtà u jgħaddu wkoll minn taħriġ ta’ kif tista’ tiġi identifikata u x’għandu jsir wara li tiġi identifikata.