Filmat: “L-ambjent tagħna għandu valur” – Valerie

Vale

Vale, nhar ta' Erbgħa fl-4pm fuq NET Television

Posted by NET Television on Tuesday, June 30, 2020

Waqt il-pandemija il-preżentatriċi Valerie Vella bdiet tagħmel ħafna xogħol ta’ upcycling u b’hekk salvat bosta affarijiet milli jispiċċaw mormija.

F’dan l-istess l-perjodu Valerie ddeċidiet li tgħaqqad din il-passjoni ma dik tal-ambjent biex finalment jitwassal il-programm ġdid Vale li se jibda jixxandar mil-lum l-Erbgħa fl-4.00pm fuq l-istazzjon Net.

“Permezz ta’ dan il-programm nixtieq li nispiraw lit-telespettaturi biex ikunu konxji kif azzjoni sempliċi tista’ teffettwa ħażin il-ħajja marittima, il-ħlejjaq u l-pjaneta sabiħa tagħna,” ikkummentat Valerie ma’ newsbook.com.mt.

Għal dan il-programm li se jkun qed jitwassal matul dawn it-tlett xhur tas-sajf, Valerie se jkollha magħha lil Carlo Olivari Demanuele li hu espert kif jibdel oġġett li forsi wieħed jaħseb li jista’ jarmi, f’oġġett totalment differenti u li jkun hemm użu għalih.

Dwar l-isem tal-programm, Valerie qaltilna li għall-ewwel ma kienitx taf x’se semmieh sakemm imbagħad għal darb’oħra laqtet żewġ għasafar b’ġebla waħda. Il-kelma Vale bit-Taljan tfisser valur u fil-fatt permezz ta’ dan il-programm li se jibda llum, Valerie u Carlo se juruna li l-ambjent tagħna għandu valur u b’dak li se jkunu qed jagħmlu, se joħroġ ħafna dan l-aspett importanti.

Imbagħad hemm il-fattur l-ieħor, li l-kelma Vale hu parti minn isimha u għalhekk huwa l-isem ideali għal dan il-programm ġdid, li se jfisser id-debutt ta Valerie fuq l-istazzjon Net wara li tul il-karriera tagħha ppreżentat kważi dejjem fuq TVM, u għal perjodu qasir ukoll fuq l-istazzjon One.

Valerie Vella u Carlo Olivari Demanuele