Filmat: L-ambizzjoni għal soċjetà aħjar tibqa’ timmotivaha wara li tilfet il-vista minn għajn waħda

L-istorja ta' kuraġġ ta' Samantha Pace Gasan

Is-sajf li għadda, Samantha Pace Gasan għamlet operazzjoni serja Londra minħabba l-kundizzjoni tagħha. Hi u tirkupra mill-operazzjoni, tatha puplesija li wasslitha biex titlef il-vista minn għajnha l-leminija.

Waqt il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart ilbieraħ, iż-żagħżugħa tkellmet fuq l-esperjenza tagħha, li bdiet kważi tliet snin ilu meta kellha tagħmel operazzjoni urġenti.

Kienet għadha kemm spiċċat l-Università u kienet fi triqitha għax-xogħol meta f’daqqa waħda kellha ħafna wġigħ u bdiet tintilef minn sensiha. Meta marret l-emerġenza, qalulha li kien taha attakk ta’ paniku, iżda mbagħad it-tobba skoprew li kienet iċċarrtitilha l-arterja prinċipali u dan seta’ jfisser ħajja jew mewt fi żmien qasir. Għalhekk, Samantha kellha tiġi operata malajr.

“Għidt jien mhux se mmut”

Fil-programm, Samantha rrakkuntat kif minħabba dan, kien hemm nuqqas ta’ ossiġnu tiela’ fil-moħħ, u għalhekk bdiet tħawwad daqsxejn fil-memorja, billi pereżempju tistaqsi l-istess ħaġa wara ħames minuti għax tkun nesiet li staqsiet hekk. Il-biża’ li kellha meta qamet mill-operazzjoni kien li moħħha ma jkunx qed jiffunzjona tajjeb.

Semmiet kif qabel daħħluha għall-operazzjoni staqsewha tridx tagħmel il-Griżma tal-Morda, iżda hi għażlet le. “Għidt jien mhux se mmut,” irrakkuntat Samantha.

Qalet li wara li ġara dan kollu, bħala persuna riflessiva, aktar bdiet tirrifletti u tara x’inhu importanti għaliha f’ħajjitha, l-aktar li verament tgħix u mhux biss teżisti.

L-istorja ta’ Samantha ma ntemmitx hawn, għaliex sentejn wara kellha bżonn intervent ieħor. F’Novembru tal-2019 saret taf li għandha kundizzjoni jisimha Marfan Syndrome, li taffettwa t-tessuti konnettivi tal-ġisem. Din hi kundizzjoni rari, li taffettwa lil wieħed minn kull 5,000 persuna.

F’Marzu li għadda, imbagħad, it-tobba reġgħu qalu lil Samantha li l-arterja prinċipali tagħha qed tikber u trid tiġi operata, billi d-darba ta’ qabel kienu sewwew biss il-biċċa li ċċarrtet. Din id-darba, tal-anqas, kellha ċ-ċans li taħseb fuq din l-operazzjoni u tieħu deċiżjoni qabel tagħmilha.

L-akbar paniku li ma tistax tkompli b’xogħolha

F’Lulju telgħet Londra sabiex tagħmel l-operazzjoni. Semmiet diversi kumplikazzjonijiet li ffaċċjat familtha minħabba dan, peress li dan kien f’nofs il-pandemija tal-Covid-19.

Għalkemm l-istorja kienet donnha ntemmet hemm, wara li għamlet l-operazzjoni, lil Samantha tatha puplesija u biha, tilfet il-vista minn għajnha l-leminija. It-tobba spjegawlha li tista’ jew tmur għall-agħar jew għall-aħjar. Spjegat kif għall-bidu, sakemm drat, kienet tegħja mill-ewwel, bilkemm setgħet tuża l-mowbajl għax anke għajnha l-oħra bdiet tbati sakemm il-moħħ dera din in-normalità l-ġdida.

L-akbar paniku tagħha, qalet Samantha, kien li mhux se tkun tista’ tkompli taħdem minħabba din il-problema. Samantha taħdem bħala assistenta riċerkatriċi fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università, u bid-dmugħ iġelben ma’ ħaddejha, qalet li xogħolha jfisser ħafna għaliha, u din kienet l-aktar ħaġa li inkwetatha. Madankollu, biż-żmien, drat ukoll, u jirnexxilha taħdem bla problemi ta’ xejn.

Mistoqsija minn Prof. Azzopardi dwar xi jżommha għaddejja, Samantha qalet li hi l-ambizzjoni, mhux dik personali, imma l-ambizzjoni li tara dinja aħjar, li tqajjem kuxjenza fuq dawn il-problemi u li tagħmel il-parti tagħha għal soċjetà aħjar.