Filmat: L-Al-Qaeda trid tpattiha lill-insara Sirjani

Ribelli tal-grupp terroristiku Al-Qaeda, irnexxielhom jieħdu taħt idejhom il-villaġġ ta’ Maloula, meqjus bħala wieħed mill-iktar villaġġi nsara fis-Sirja kollha.

In-nies li jgħixu f’dan il-villaġġ għadhom sal-lum il-ġurnata jitkellmu “bid-djalett Sirjan ta’ Maloula”, l-istess djalett tal-Aramajk li kien jitkellem Ġesù u l-insara tal-bidu.

Il-villaġġ ġie attakkat nhar l-Erbgħa li għadda mit-terroristi Iżlamiċi ta’ Al-Nusra u rnexxielhom jirbħuh ilbieraħ. Kif irrapporta l-ġurnal Għarbi Al Hadath, ir-ribelli li huma affiljati mal-Al-Qaeda, “werwru lill-insara, u hedduhom li jivvendikaw ruhħhom bihom wara li jirbħu r-rivoluzzjoni”.

80 fil-mija tan-nies tal-villaġġ, ħafna minnhom insara, kellhom jaħarbu minn djarhom.

Ir-ribelli sparaw fuq il-knejjes u l-monasteri u anke serqu xi wħud minnhom. Fil-fatt, sparixxa s-salib li kien hemm fuq il-koppla ta’ wieħed mill-monasteri.