Filmat: L-aktar tliet wirjiet li spikkaw waqt l-ewwel Malta’s Got Talent

Għada l-Ħadd 11 ta’ Ottubru fid-8.50pm TVM se jkun qed ixandar it-tieni programm mill-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent li huwa ppreżentat minn Gordon Bonello u li fih hemm bħala ġurija Howard Keith Debono, Maxine Aquilina, Ray Attard u Sarah Zerafa.

Waqt l-ewwel programm twasslu għaxar auditions u l-filmat tagħhom fuq il-YouTube Channel ta’ Malta’s Got Talent komplew jattiraw aktar udjenzi bl-aktar waħda tkun Denica Apostolovska ta’ 32 sena mill-Maċedonja.

Hija daqqet il-kitarra u kantat Born This Way, iżda aktar tard impressjonat meta, minkejja li mhix Maltija, daqqet il-kitarra waqt li kantat il-kanzunetta Xemx.

Il-wirja tagħha ġriet bil-wirjiet kollha u s’issa qabżet it-72,000 darba li rawha.

It-tieni l-aktar wirja li qed tispikka fuq il-YouTube Channel ta’ Malta’s Got Talent hija dik taċ-ċkejken Kristian Alakkad ta’ 5 snin li b’ħarsa waħda lejn il-mappa fuq l-iskrin beda jgħid liema pajjiż kien qed jiġi mmarkat. Kien jafhom kollha u semma’ wkoll pajjiżi li kein hemm min qatt ma’ sema bihom. Din il-wirja wasslet biex iċ-ċkejken jikseb il-Golden Buzzer mingħand Ray Attard.

It-tielet wirja li donnu niżlet tajjeb hija dik tal-grupp Inefable magħmul minn grupp ta’ akrobati Maltin, Spanjoli, Brażiljani u Irlandiżi bl-eta tvarja bejn l-għaxar u d-29 sena. Impressjonaw mhux ħażin tant li l-erba’ membri tal-ġurija qamu biex iċaqċpulhom. Din il-wirja għandha 11,500 view fuq il-YouTube Channel ta’ Malta’s Got Talent.

Malta’s Got Talent għandu preżentazzjoni ta’ Gordon Bonello, bi produzzjoni ta’ Mint Media.