Filmat: L-akbar qabda ta’ droga fil-Greċja kienet ġejja Malta

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=LEz9ZwwDvuY?rel=0&showinfo=0]

L-Awtoritajiet Griegi qabdu l-akbar qabda ta’ droga fl-istorja tal-Greċja meta telgħu bastiment li kien ġej Malta.
Fil-filmat ippubblikat mill-Gwardji kostali juri l-ħidma tal-uffiċjali Griegi biex iwaqqfu lit-traffikanti fil-baħar ta' bejn Ċipru u Malta.
Il-Gwardji kostali kellhom jisparaw tiri ta’ twissija biex telgħu fuq il-bastiment u anki jużaw apparat speċjalizzat biex jiftħu pari mill-bastiment fejn id-droga kannabis kienet qed tinżamm.
Rapporti internazzjonali qalu li d-droga misjuba kienet tammonta għal aktar minn sitt tunnellati u kellha valur ta’ aktar minn €70 miljun. Qalu wkoll li sitt Sirjani ġew arrestati b’rabta ma’ din is-sejba wara li kienu ilhom jiġu segwiti għal aktar minn jumejn.
Fil-ħidma kontra t-traffikar tad-droga pparteċipaw ukoll l-awtoritajiet tad-dwana Franċiżi, l-aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, il-Frontex. Uffiċjalment, il-vjaġġ tagħhom lejn Malta kellu jkun għal skop ta’ tiswija tal-bastiment.
F’Ottubru li għadda, il-Pulizija Maltija kienet għamlet sejba rekord meta kienet qabdet 550 kilo kokaina: 530 kilogramma raża tal-kannabis u 20 kilogramma pjanta tal-kannabis.