Filmat: L-Air Malta żżid it-titjiriet fl-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq

Dalgħodu l-Air Malta nediet uffiċjalment servizz ġdid minn Katanja għal Vjenna, fl-Awstrija, servizz li jopera darbtejn fil-ġimgħa. 
Din it-titjira tfisser ħafna għal-Air Malta hekk kif qed tirrappreżenta r-ritorn tal-linja tal-ajru nazzjonali Maltija fi swieq Ewropej. L-Air Malta reġgħet bdiet topera titjiriet Intra-Ewropej wara madwar tmien snin. B’hekk l-Air Malta mhux qed toffri biss titjiriet minn Malta dirett għall-pajjiżi oħra, iżda issa minn Sqallija għall-pajjiżi oħra wkoll.
Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, dan il-pass huwa parti importanti mill-istrateġija tal-Gvern biex isaħħaħ l-Air Malta, għax din issa se tkun qed tiftaħ is-suq tagħha mhux biss għall-Maltin, iżda wkoll għall-Isqallin, suq ta’ madwar 5 miljun persuna.
Paul Sies, iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta, żvela wkoll li Vjenna mhux se tkun l-uniku destinazzjoni li l-Air Malta se ttir lejha minn Katanja, iżda mistennija jiżdiedu wkoll destinazzjonijiet fl-Afrika ta’ Fuq bħal Kasablanka, kif ukoll f’Tel Aviv, Zurich, Milan u Munich mis-sajf li ġej.
Barra min hekk, l-Air Malta mistennija żżid ukoll ajruplan ġdid mal-flotta tagħha li mistenni jasal f’Marzu li ġej.
Din l-opportunità għall-Air Malta tfasslet wara li l-kumpanija low-cost Niki ħarġet minn dan is-suq fi Sqallija. Minnufih bdew in-negozjati sabiex l-Air Malta ssir “il-linja tal-ajru tal-Mediterran”, skont iċ-Ċermen Dr Charles Mangion.
Żied jgħid li l-Air Malta toffri vantaġġ lill-passiġġieri għaliex bħala linja tal-ajru ewlenija għandha aċċess għall-ajruporti l-kbar fl-Ewropa, f’ħinijiet komdi għall-passiġġieri, speċjalment għal dawk li jfittxu vjaġġar fil-qosor ta’ ftit jiem jew anke day trips.