Filmat: L-Air Malta b’21 destinazzjoni għax-xitwa; 2 rotot ġodda

Read in English.

Matul din ix-Xitwa l-Air Malta se tkun qiegħda ttir lejn 21 destinazzjoni madwar l-ibliet ewlenin fl-Ewropa b’total tal-156 titjira fil-ġimgħa. Żewġ rotot ġodda se jkunu qegħdin jiżdiedu ma’ dawk li l-Maltin huma familjari magħhom. Ir-rotot il-ġodda huma Ħamburg u Madrid filwaqt li r-rotot l-oħra huma Londra Heathrow, Amsterdam, Desseldorf, Berlin, Munich, Frankfrut, Mosko, Praga, Vjenna, Zurich, Milan, Ruma, Palermo, Katanja, Pariġi Charles De Guelle, Orly, Lyon, Brussell u Lisbona.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, responsabbli għall-Air Malta, Silvio Schembri ħabbar ukoll il-programm tal-Business Guarantee li tnieda biex jiżgura l-konnettività u l-kapaċità skont ir-rati tas-suq għall-viżitaturi, għar-residenti, għall-kumpaniji u għall-istituzzjonijiet mediċi għal 15-il destinazzjoni u għal 82 titjira fil-ġimgħa. Dawn it-titjiriet se jkunu qed jitħaddmu fiċ-ċirkostanzi kollha.

Il-Ministru qal li l-iskeda għax-xitwa se ssir b’mod differenti sabiex il-klijent ikollu moħħu mistrieħ li ma jispiċċax maqbud f’pajjiż minħabba li jkun hemm titijiriet ikkanċellati. Matul l-iskeda tax-xitwa se jkun hemm 156 titjira fil-ġimgħa, li 50% minnhom huma garantiti għan-negozju. Il-Ministru qal li dan se jiggarantixxi aċċess għal ċentri ewlenin tal-ajruport irrispettivament f’każ ta’ kanċellar ta’ titjiriet. 

Matul din il-konferenza stampa, il-Ministru Schembri nieda flexibility guarantee stamp tal-Air Malta li permezz tagħha l-linja tal-ajru se tagħti flessibbiltà addizzjonali lill-klijenti biex jibbenefikaw minn iżjed effiċjenza permezz tal-aġġornamenti implimentati fil-portal online.

Ġie spjegat li bejn il-21 ta’ Marzu u t-30 ta’ Ġunju 2020, l-Air Malta operat 506 titjira u rripatrijat 12,728 passiġġier. Din l-iskeda bl-isem ta’ Lifeline kellha ħames rotot li kienu Londra Heathrow, Ruma, Frankfurt, Amsterdam u Pariġi Charles De Gaulle. Hija operat ukoll titjira ta’ ripatrijazzjoni lejn destinazzjonijiet fuq distanzi twal, jiġifieri l-Indja.

Il-President tal-Air Malta Charles Mangion qal li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija il-linja tal-ajru nazzjonali tfittex li tkompli sservi lil dawk il-klijenti li kellhom it-titjiriet ibbukkjati tagħhom kanċellati. Żied li s’issa, l-Air Malta offriet €15,900,000 rimborż lill-klijenti, lill-aġenti tal-ivvjaġġar u lill-operaturi turistiċi b’total ta’ 164,729 pretensjoni.