Filmat: L-aħħar testijiet taċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Pembroke

L-Enemalta tinsab għaddejja b’ħidma biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku hekk kif f’Pembroke bdew l-aħħar testijiet fuq l-ewwel minn erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda li qed jitlestew bħalissa.
Il-proġett li se jsir fuq medda ta’ tliet snin b’nefqa ta’ €60 miljun, jinkludi l-iżvilupp ta’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda, tibdil u tiġdid ta’ installazzjonijiet oħrajn tad-distribuzzjoni, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u ż-żieda fil-konnessjonijiet ta’ high voltage cables bejn partijiet differenti tas-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid huwa parti minn proġett estensiv li Enemalta qed tagħmel fid-distribuzzjoni li mistennija ssaħħaħ il-provvista tal-elettriku madwar il-pajjiz.
Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid f’Pembroke, li bħalissa jinsab fl-aħħar fażijiet tal-ittestjar se r ikompli jtejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-elettriku ta’ Enemalta plc f’San Ġiljan, is-Swieqi, Pembroke, il-Madliena, Paceville, l-Ibraġ u l-Magħtab.
Se jirċievi l-elettriku mill-Kappara permezz ta’ cables mgħoddija minn mina taħt l-art li tifforma parti mis-sistema ta’ mini tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-Enemalta.
Dan iċ-ċentru mistenni li jibda jiffunzjona fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla.