Filmat: L-aħħar staġun ta’ F’Ġieħ L-Imħabba jibda nhar it-Tlieta

F'Ġieħ L-Imħabba jkompli nhar it-Tlieta fid-9pm fuq TVM. Segwi dan il-filmat biex tiftakar x'ġara s'issa...

Posted by F'Ġieħ L-Imħabba on Saturday, September 26, 2020

L-ewwel appuntament ma’ F’Ġieħ L-Imħabba huwa għal nhar it-Tlieta fid-9.00pm fuq TVM. Se nkompli nassistu minn fejn kellna nieqfu ħesrem f’April!

F’Ġieħ L-Imħabba beda billi wasslilna l-ħajja  ta’ Antonino (Toto’) u Ġiuseppe Cuppola, żewġ aħwa mrobbija b-imħabba kbira lejn dak kollu marbut mal-familja u l-imħabba lejn l-għeneb u l-inbid.

Mark Mifsud, Patrick Tanti u Evelyn Saliba La Rosa. Ritratt: Ivan Borg

Wara n-nuqqas ta’ missierhom Santiago, dawn l-aħwa għamlu minn kollox biex iżommu fejn jixraq il-kunjom ta’ Cuppola, u s-sodisfazzjon intlaħaq meta rnexxielhom joħolqu nbid li kien ilhom jirsistu għalih minn żmien missierhom, kif ukoll fil-mument li Francesca, mart Toto’ kienet se twelled u lkoll ftehmu li se jsemmuh għal Santiago.

L-affarijiet bdew jiddeterjoraw meta Gaetano, il-kuġin ta’ Toto’ u Giuseppe beda jinnegozja d-droga u spiċċa maqtul flimkien ma’ martu Karmelina waqt li kien qed jittrasporta d-droga fil-fliexken tal-inbid tal-familja Cuppola.

Karmelina kienet taħdem bħala seftura ma’ Francesca.  

Dan l-assasinju ħasad lill-familja u ħalla orfni lil Sergio, iben Gaetano u Karmelina, li sab dar ma’ Ġiuseppe u martu Concetta, li diġà kellhom lil Salvatore.

Meta Francesca semgħet li lil Gaetano u Karmelina kien qatilhom Ġiuseppe, tinħasad u tibda twelled qabel iż-żmien u tasal f’xifer il-mewt kemm hi kif ukoll it-tarbija li kien se jkollha!

30 sena wara

Mal-mogħdija taż-żmien naraw lill-Ġiuseppe Cuppola flimkien ma’ martu Concetta u t-tfal tagħhom Salvatore u Elena flimkien ma’ Sergio, f’battalja għall-mewt mal-familja ta’ Emilio Garsena li huwa miżżewweġ ma’ Laura, it-tifla ta’ Rocco Di Pietra, li wkoll kienu qed jistennew tarbija.

Milli jidher, apparti n-negozju ta’ drapp, Emilio għandu relazzjoni ma’ Erminia, is-segretarja tiegħu, mhux biss fuq livell emozzjonali imma wkoll fil-qasam tad-droga… għax Erminia hija t-tifla ta’  Giacinto Patras, isem sinonimu mad-droga.

Ritratt: Ivan Borg

Fl-aħħar episodji tal-istaġun li għadda erġajna morna fil-passat u rajna li wara kollox Francesca kellha tifel u li minkejja l-ħlas diffiċli, irnexxielha tiskansa dan il-gwaj.

It-tieni staġun…

Fit-tieni staġun ta’ F’Ġieħ L-Imħabba li se jibda min-nhar it-Tlieta mhux biss se niskopru min hu Emilio Garsena, imma  se niskopru wkoll ir-raguni għaliex Emilio Garsena u Ġiuseppe Cuppola huma mqabbdin flimkien qishom għollieqa… hekk ukoll se naraw kif se jispiċċaw l-affarijiet bejn Emilio u Ġiuseppe fost mitt elf ħaġa oħra.

Se naraw kif Salvatore, fl-aħħar se jsib l-imħabba ta’ ħajtu. Tgħid iċ-ċirkostanzi li se jispiċċa fihom se jħalluh jagħmel l-għażliet li dejjem xtaq?

Il-pjan li għandha Erminia min jaf x’inhu, u tgħid jirnexxi?

Elena tgħid jirnexxielha tispiċċa mal-maħbub ta’ ħajjitha?

Dan kollu u ħafna aktar fit-tieni u l-aħħar staġun ta’ F’Ġieħ L-Imħabba, li għandu kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa, bi produzzjoni ta’ Rewind.