Filmat: L-aħħar kelmiet ta’ siġra waqt li qed tiġi maqtugħa

Missier Aħfrilhom - Christabelle Scerri

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020 MISSIER AĦFRILHOM - Christabelle Scerri (Rita Pace Singer and Songwriter, Augusto Cardinali)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Thursday, August 20, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Missier, Aħfrilhom

Kantanta: Christabelle Scerri

Kliem: Rita Pace

Mużika: Augusto Cardinali

Missier, Aħfrilhom hija l-istorja ta’ siġra li qed tgħid l-aħħar kelmiet tagħha waqt li qed tiġi maqtugħa għal skopijiet ta’ hekk imsejjaħ żvilupp. Hija qed tistaqsi lill-bniedem għala għażel il-ġebel u l-konkrit flokha meta tatu l-kenn tagħha, il-frott, id-dell, kif ukoll tat dar lil ħutu l-ħlejjaq li jgħixu fuqha. Titlob lil Alla jisma’ l-karba tagħha u taħfer lill-bniedem avolja jaf x’inhu jagħmel u titħassru għax qed iweġġa’ mhux biss lilha imma anki lilu nnifsu stess għar-regħba li se twassal għall-qirda tiegħu stess.

Christabelle Scerri. Ritratt: Joseph Agius Attard

Christabelle Scerri kklassifikat fit-tieni post mal-kantawtur Frank O’Neill fl-edizzjonijiet ta’ L-Għanja tal-Poplu tal-2009 u l-2014. Bdiet il-karriera tagħha fil-kant u r-reċtar fil-programm televiżiv Aħn’Aħna jew Maħniex mal-grupp Brown Rice. Għal bosta snin kienet il-kantanta ewlenija mal-grupp folkloristiku Paul Curmi Dance Company fejn ipparteċipat f’diversi festivals internazzjonali fosthom fil-Kanada, fil-Bulgarija, fi Spanja, f’Ċipru, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Sqallija fejn irrappreżentat lil Malta. Mingħajr ebda dubju, mument memorabbli kien meta flimkien ma’ The Mediterranean Voices irrappreżentat lil Malta f’The Beatles Philarmonic Tribute Concert fir-Royal Albert Hall Londra.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.