Filmat: L-aħħar 100 episodju ta’ Ħbieb u Għedewwa

Ħafna huma dawk li qed jistennew bil-ħerqa s-sitt u l-aħħar staġun tas-sensiela Ħbieb u Għedewwa li matulha se jkunu qed jingħalqu ħafna trufijiet.  B’kollox hemm maħsuba 100 puntata biex jikkonkludu għal kollox din il-ġrajja.

“Sa mill-bidu dejjem kien il-ħsieb tagħna li nħallu r-rakkont jiżvolġi bil-libertà u nimxu mal-medda tal-ġrajjiet ta’ dawn il-familji.  Il-pass u l-intriċċi wassluna għas-sitt u l-aħħar staġun tas-sensiela biex nispiċċaw dan ir-rakkont.  Ħdimna biex inwettqu l-ħsieb tagħna, anki b’rispett lejn l-eluf ta’ segwaċi leali ta’ Ħbieb u Għedewwa biex ma nħalluhomx bla risposti ta’ kif se tikkonkludi l-istorja,” qalulna Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa, l-awturi tas-sensiela li għandha produzzjoni ta’ Rewind Productions.

Fil-puntati konklussivi se naraw ir-ritorn ta’ Karl. Iżda mhux ġej waħdu. Lil min se jkollu miegħu? Tgħid se jagħmel xi waħda kif jaf hu biss.

Nafu li John u Saviour huma aħwa,  u kif il-mewt u t-testment ta’ Maria Pia qed jaqleb ta’ taħt fuq il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ familji. Se jsiru jafu? U jekk iva,  kif se tinbidel ir-relazzjoni tagħhom? Se jpoġġu kollox warajhom, jew se jsiru għedewwa ikbar milli diġà huma?

Bosta huma l-intriċċi li se jkunu qed iseħħu f’dawn il-puntati, fosthom se naraw jekk Lina hux se ssib il-kuntentizza f’ħajjitha.

Dawn l-intriċċi kollha kif se jkunu qed jeffettwaw ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ familji?

Biex inqanqlukom ftit il-kurżità nistgħu ngħidulkom li wieħed mill-karattri importanti se jimrad serjament.

Ċerti li tixtiequ tkunu tafu meta u fejn tistgħu ssegwu dawn il-puntati. Minn informazzjoni li ksibna dawn se tkunu tistgħu tarawhom għall-bidu tar-Rebbiegħa b’mod esklussiv fuq il-Melita TV.