Filmat: “L-agħar meta traqqad annimal; inħossu d-dwejjaq”

Carla Gonzalez Bason, kienet waħda mill-erba’ veterinarji ġodda li ngħatat il-liċenzja ta’ veterinarja.

F’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt Gonzalez Bason tkelmet dwar id-dwejjaq li tħoss meta jkollha traqqad xi annimal, u deskriviet l-esperjenza bħala “l-agħar ħaġa fil-professjoni”. Hi saħqet li filwaqt li tad-dwejjaq trid turi li int soda anki minħabba sid l-annimal iżda jeżistu każijiet fejn ma tkun tista’ tagħmel xejn iktar.

Fost l-affarijiet li ġiet mistoqsija dwar l-esperjenzi tagħha waqt l-istudju u qalet li l-iktar ħaġa rimmarkabbli kienet kif sa mill-ewwel sena kienet esposta għall-annimali u ngħatat perspettiva wiesgħa mhux biss dwar is-saħħa tal-annimal iżda wkoll fuq l-effett fuq il-bniedem u l-ambjent.

Gonzalez Bason qalet li hi tħobb taħdem mal-qtates l-iktar u l-klieb iżda ma sabitx annimal li ma tħobbx.

Hi mill-Venezuela u studjat fl-Università Francisco de Miranda. Gonzalez Bason kienet waħda mill-erba’ veterinarji ġodda ngħataw il-liċenzji f’ċerimonja li saret fil-presenza tal-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri. It-tliet veterinarji l-oħra kienu Andrea Grima, Violet Azzopardi u Domenico Puma.

Din kienet l-ewwel darba li qed issir iċ-ċerimonja għall-għotja ta’ liċenzji lill-veterinarji.