Filmat: L-abbuż sesswali weġgħa kbira u tradiment – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva l-abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika bħala weġgħa kbira u tradiment spiritwali.

Huwa kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-istudenti tal-Università ta’ Notre Dame fl-Istati Uniti f’serje ta’ konferenzi bit-titlu “Rebuild My Church: Crisis and Response”. Is-sessjoni ta’ mistoqsijiet dwar l-abbużi sesswali fil-Knsija Kattolika tmexxiet mill-Editur tas-sit tal-aħbarijiet Crux John Allen.

Waqt li introduċa lill-Arċisqof Scicluna, Allen qal li skontu huwa jifforma parti mill-aktar għaxar persuni notevoli fil-Knisja Kattolika.

Tul il-konferenza li damet aktar minn siegħa u nofs, l-Arċisqof tkellem b’passjoni kbira dwar il-missjoni li ġiet afdata lilu mill-Papa Franġisku. Huwa fisser il-ħidma tiegħu fost il-vittmi tal-abbuż sesswali bħala ħidma sagra għaliex hija esperjenza umana u li skont l-Arċisċof “diffiċli nifhmu dak li jkunu għaddejjin minnu”.

L-Arċisqof stqarr li l-Knisja għandha d-dmir li tieħu ħsieb il-vittmi tal-abbuż. Kien hawnhekk li qal li jrid li kull Djoċesi jkollha sistema li fiha jiġu rrappurtati l-abbużi. Temm jgħid li din hija kwistjoni ta’ kemm tiġi aċċettata l-liġi u kemm ikun hemm min li jsegwiha.
Żied jgħid li fil-Knisja hemm bżonn aktar responsabbiltà fit-tmexxija. Stqarr li l-irrappurtar tal-abbuż għandu jiddaħħal fil-liġi Kanonika, biex ikun hemm azzjoni immedjata kull meta xi ħadd jisma’ jew irid jaf b’xi ħaġa.

L-Arċisqof appella wkoll għal maturità fil-fidi waqt li fisser li jekk ma jkunx hemm maturità fil-fidi, l-Insara jimxu wara figuri ta’ kult. Lill-istudenti, l-Arċisqof Scicluna qalilhom li fl-Istati Uniti hemm bżonn jimxu ‘l quddiem billi jittrasformaw ir-rabja f’determinazzjoni biex jirnexxu.

L-istudenti li kkummentaw wara l-laqgħa mal-Arċisqof qalu li kien interessanti li jismgħu mingħand dak li jaħdem fil-qrib mal-vittmi tal-abbuż. Qalu li ż-żgħażagħ tal-lum jħossuhom ‘il bogħod mill-Knisja u allura attività bħal din tqarribhom lejn il-Knisja.

Filmati: University of Notre Dame