Filmat: ‘L-abbuż fuq il-minuri traġedja kbira; Bdejna naħdmu minnufih’ – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-abbuż fuq il-minuri hi traġedja kbira u stqarr li l-ħidma tal-Kumitat organizzattiv tas-Summit għall-Protezzjoni tal-Minuri bdiet minn dakinhar li spiċċa s-Summit fil-Vatikan.

AQRA: Protezzjoni tal-Minuri: Jitħabbru inizjattivi konkreti

Mons. Scicluna kien intervistat waqt Follow Up mill-Editor-in-Chief Sylvana Debono li xxandar fuq RTK 103FM. Is-summit spiċċa l-Ħadd, bl-Arċisqof jispjega kif minkejja s-summit spiċċa qabel l-Anġelus, huma kienu lura l-Vatikan fejn bdew jaħdmu b’mod immedjat fuq dak li ħareġ fil-jiem li għaddew. Huma stqarr li kellu jibqa’ l-Vatikan fejn għadhom għaddejjin bil-laqgħat minn wara s-summit.

AQRA: Follow Up: X’ħareġ mis-summit dwar il-protezzjoni tal-minuri?

L-Arċisqof saħaq li hemm ħafna affarijiet li hemm bżonn li jsiru filwaqt li hemm ħafna aspettativi, u osserva kif il-ħidma tagħhom b’mod immedjat tirrifletti li huma se jkunu qed jirrispondu għal dawn l-aspettativi b’sens ta’ responsabbilità kbira. Il-Kumitat qed jara liema mill-punti li ħarġu mill-laqgħat jistgħu jitwettqu b’mod konkret.

AQRA: ‘Nagħtu ħajjitna għall-persuni li ġew fdati lilna’ – L-Arċisqof

‘Iltqajna ma’ 12-il vittma tal-abbuż’

Mons. Scicluna ddeskriva l-laqgħat li jkollu mal-vittmi tal-abbuż kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta ħabba xogħlu, dawn ikunu mumenti ta’ sofferenza kbira. Spjega kif waqt is-summit kien hemm ukoll gruppi tal-vittmi li kienu fil-Vatikan b’uħud minnhom jagħmlu protesti fl-istess ħin li kien hemm il-laqgħat għaddejjin. L-Arċisqof semma’ kif il-mexxejja ta’ dawn il-gruppi tawhom l-opportunità li jiltaqgħu magħhom. Sostna li f’dawn il-laqgħat bħal laqgħat l-oħra mal-vittmi wieħed jista’ jara l-istorja traġika u tal-biki kif ukoll l-effett tal-abbuż li jkunu ġarrbu li jwassal biex ikissirilhom id-dinjità tagħhom kif ukoll t-tamiet tagħhom filwaqt li f’każi oħra jwassal biex persuna titlef il-fidi tagħha.

F’Malta

Meta mistoqsi jekk il-minuri humiex iktar protetti issa wara s-summit, l-Arċisqof wieġeb li dan jidddependi ħafna mill-knejjes lokali. Spjega permezz tal-prattika li hemm fis-seħħ f’Malta u Għawdex fejn hemm sistemi fejn wieħed jista’ jirrapporta abbuż f’każ li jiġri. Spjega li meta sar Arċisqof, flimkien mal-isqfijiet u s-superjuri reliġjużi ta’ Malta saret riforma fis-sistema u twaqqfet il-Kummissjoni mmexxiha minn Andrew Azzopardi u grupp ta’ esperti li jgħinu lil Azzopardi fil-ħidma tiegħu. Il-Kummissjoni mhux biss tirċievi l-ilmenti iżda tinvestiga, tagħti pariri lill-mexxejja reliġjużi u tmexxi bil-każi.

Mons. Scicluna saħaq dwar l-importanza li fil-każ ta’ Malta hemm rapport tajjeb bejn il-Knisja u l-Pulizija. Semma’ kif f’ċertu każi huma obbligati mil-liġijiet ta’ Malta li jirrappurtaw ċertu każijiet filwaqt li f’oħrajn jitolbu l-parir tal-awtoritajiet biex jigwidawhom kif se jmexxu.

Spjega li issa li ntemm is-summit, l-Isqfijiet li sejjħu fil-Vatikan minn kull presidenza tal-konferenza episkopali minn madwar id-dinja, meta jmorru lura fid-djoċesi tagħhom għandhom iwasslu l-esperjenza li l-Monsinjur Scicluna ddeskriva bħala qawwija u jagħmlu minn kollox biex il-ħsieb tal-Papa Franġisku jitwettaq f’kull knisja lokali.

AQRA: Il-Papa jappella għal talb għal-Laqgħa dwar il-Protezzjoni tal-Minuri

L-Arċisqof waqt il-programm semma’ wkoll l-istrutturi li hemm f’pajjiżi oħra bħal l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Amerika li huma wkoll għaddew minn sofferenza kbira. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li wieħed jagħmel ħiltu kollha biex jingħata eżempju tajjeb u jipprevenju l-abbużi fuq il-minuri.