Filmat: Kurt Farrugia ddejqu l-kelma “tradituri” għall-MEPs Nazzjonalisti

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal li l-kelma tradituri fil-konfront tal-MEPs Nazzjonalisti ddejqu.

Mistoqsi minn Fr Joe Borg jgħid jekk l-MEPs Nazzjonalisti humiex tradituri jew le, Farrugia wieġeb u qal li l-kelma tradituri ddejqu. Dan waqt id-diskussjoni li saret illum fil-programm Newsline fuq RTK li jixxandar kull nhar ta’ Sibt filgħodu.

L-istess kelma użaha il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant li waqt il-programm Xarabank li xxandar ilbieraħ fuq l-istazzjon Nazzjonali qal li l-MEPs Nazzjonalisti huma tradituri.

Farrugia saħaq li l-ġlieda dwar il-politika tal-Gvern għandha ssir f’Malta u mhux ‘il barra minn xtutna. Fisser li tkun ħsara jekk issir barra minn Malta kif skontu saret ħsara meta ġew attakkati industriji fl-ekonomija ta’ Malta li kienu sejrin tajjeb.

Fil-programm Newsline, tkellem ukoll il-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi qal li allaħares jekk xi ħadd imur jikkritika lil Malta ngħidulu traditur. Dan filwaqt li fisser li anke l-kunċett li jintuża mill-Partit Laburista li l-MEPs Nazzjonalisti “jmorru fl-Ewropa jgħidu kontra Malta” jfisser ukoll li l-Partit Laburista ma jemminx li Malta tifforma parti mill-Ewropa. Spjega li dak li jingħat mill-Ewroparlamentari Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej ikunu qed jgħidu fuq Malta u fuq l-Ewropea stess.

Fakkar f’dak li qal Alfred Sant meta kien stqarr li persuni b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni għandhom jirreżenjaw. Azzopardi qal li Sant kien qalha f’Malta u staqsa jekk kinitx tagħmel differenza li kieku qalha fl-Ewropa. Sostna wkoll li fid-dinja diġitali m’għadx hemm differenza fejn tkun qed tgħid xi ħaġa għaliex bl-internet faċli tirriproduċi l-kliem fi żmien qasir.

Alfred Sant jistaqsi jekk il-PN hux se jappoġġja l-ħatra tal-Kummissarju Ewropew Malti

Fil-programm Xarabank, Alfred Sant sfida lill-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista David Casa jgħid jekk il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew hux se jappoġġja n-nomina tal-Gvern Malti għall-ħatra ta’ Kummissarju ġdid Ewropew wara l-elezzjonijiet Ewropej. Dan mingħajr ma semma min jista’ jkun nominat mill-PM biex jokkupa dan l-irwol istituzzjonali. Fi stqarrija, Sant qal li Casa ħarab din il-mistoqsija.