Filmat: “Kunu awtentiċi – tinħbewx wara l-maskra” – Il-messaġġ tal-Isqfijiet għar-Randan

Għall-erbgħin jum tar-Randan, l-Arċisqof Pawlu Cremona, l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qed jistiednu lill-Insara biex ikunu awtentiċi f’dak kollu li jagħmlu.

Fl-Ittra Pastorali, l-Isqfijiet saħqu li “l-awtentiċità hija virtù kbira li neħtieġu biex ma ninħbewx wara xi maskra tagħna nfusna li ma tħalliniex nidhru kif tassew aħna. L-awtentiċità tfisser li ma nibżgħux nammettu veritajiet dwarna nfusna, kemm individwalment kif ukoll bħala poplu, ukoll jekk ma jkunux sbieħ.”

L-Isqfijiet jgħidu li “l-agħar dnubiet fil-ħajja u li diffiċli jinħafru huma dawk li nidrawhom u ma nħossu l-ebda ħtija dwarhom.”  Għalhekk enfasizzaw biex anke r-Randan ma jsirx rutina.  Ġabu l-eżempju kif f’dan iż-żmien tas-sena, ħafna Maltin huma aljenati bir-reliġjożità esterna. 

Semmew ukoll it-tagħlim tal-Papa Franġisku li qed jistieden lill-Insara biex jgħixu s-sempliċità u dan biex il-Knisja tkun fqira, qrib il-foqra u bil-bibien dejjem miftuħa għal kulħadd.

L-Isqfijiet stiednu lill-Maltin u l-Għawdxin biex ma jingħalqux “fil-morsa tal-partiġġjaniżmu politiku” li jxekkel ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem.

Għamlu wkoll referenza għall-korruzzjoni u l-vjolenza li kull ma jmur dejjem qed idgħajjfu l-fibra morali tas-soċjetà u kif għalhekk hemm bżonn li bħala poplu ngħaqdu l-forzi kollha biex inkunu responsabbli ta’ xulxin u tal-pajjiż.

Appellaw biex ngħożżu l-kwalitajiet sbieħ bħall-ġenerożità, l-għajnuna għall-batut, u l-wirt tal- fidi Nisranija.  Finalment l-Isqfijiet fakkru li “Alla ma jistax jaħfer jekk aħna nagħlqulu l-bieb ta’ qalbna. Hu jibqa’ jħabbat, iżda l-muftieħ f’idejna.”

Tista' taqra l-ittra Pastorali kollha hawnhekk.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt b'ismek u kunjomok.