Filmat: Kunu qrib il-pjagi tal-poplu ta’ Alla – L-Arċisqof

Xamru l-kmiem u middu jdejkom

Fl-omelija li l-Arċisqof għamel waqt l-Ordinazzjoni ta’ għaxar saċerdoti ġodda nhar it-Tnejn li għadda fil-Knisja ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, talab sabiex huma jkunu viċin tal-pjagi tal-poplu ta’ Alla.

L-Arċisqof qal li b’idejh ikkonsagrati s-saċerdot hu mibgħut biex ikun l-idejn ta’ Ġesù Kristu li jħaddan l-umanità miegħu. “Idejk mhux qiegħda biex tgara l-ġebel imma biex fit-tgħanniqa l-imħabba safja, twassal l-għożża, it-tenerezza tal-Mulej.”

“L-imħabba tagħkom hi ta’ kulħadd,” żied jgħid l-Arċisqof “imma mhux b’mod astratt. Trid tkun inkarnata għalkemm kultant tixxellef. Imma tibżgħux tkun ħaġa waħda mal-poplu li l-Mulej jibgħatkom taqdu.”

Idejk hemm trid tkun,” saħaq l-Arċisqof “qrib il-poplu ta’ Alla, mhux biex titfa’ l-ħall imma biex iddewwi bil-balzmu ħelu tal-Evanġelju.”

Temm l-omelija tiegħu billi talab għall-vokazzjonijiet, sabiex aktar iwieġbu għas-sejħa saċerdotali, “imma, nitolbu wkoll għal dawk li huma msejħin għas-sagrament taż-żwieġ, biex il-Mulej iberikna bl-għożża fil-familji tagħna li huma l-ewwel esperjenza ta’ Knisja; ta’ komunità li temmen, tittama u tħobb.”