Filmat: Kunċert tar-Randan u drama ‘Septem Verba’ mill-Banda Beland

Il-Ġimgħa l-Kbira minn dejjem kien żmien għażiż għall-membri tas-Soċjetà Mużikali Beland taż-Żejtun.

Dan jidher permezz ta’ numru t’attivitajiet kulturali u mużikali imhejjija mill-istess Soċjetà matul ir-Randan Imqaddes ta’ din is-sena.Wieħed mill-avvenimenti prinċipali imhejji mis-Soċjetà Mużikali Beland taż-Żejtun għal din is-sena hu l-Kunċert tar-Randan b’Mużika Sagra mill-Banda Beland. Għall-kuntrarju ta’ snin preċedenti, din is-sena dan il-Kunċert ser ikun imżewwaq b’elementi viżwali ta’ Septem Verba, rappreżentazzjoni ħajja mill-membri tal-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira.

Sa mis-sena 2000, il-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Beland kienet diġà bdiet ittella’ fis-Sede tagħha rappreżentazzjonijiet ħajjin, li jesegwu episodji mill-Bibbja tal-Passjoni ta’ Ġesù.

Se jkunu qegħdin jagħlqu dan il-kapitolu ta’ dawn id-dsatax-il sena ta’ rappreżentazzjonijiet flimkien mal-Banda Beland taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mro. Ray Sciberras, bit-tema ‘Septem Verba‘ (Is-Seba’ Kelmiet) fil-Kunċert Annwali tar-Randan.

Il-kunċert ser isir is-Sibt 6 t’April 2019 fit-8.00pm fil-Knisja Parrokkjali l-antika taż-Żejtun, magħrufa aħjar bħala ta’ San Girgor.

Għal dan il-Kunċert ser jindaqqu bosta marċi funebri u mużika sagra adattata għal żmien ir-Randan li tinkludi mużika orkestrali taċ-ċelebri kompożitur Żejtuni Maestro Carlo Diacono. Din ser tindaqq għall-ewwel darba mill-Banda fuq arranġament imhejji apposta għall-banda mis-Surmast Direttur Mro. Sciberras innifsu.

Il-Banda Beland tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ray Sciberras. Jieħdu sehem ukoll il-Kor Mirabitur, is-sopran Rosabelle Bianchi u t-tenur Alfred Camilleri.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jirrikorri fuq il-paġna Beland fuq Facebook jew tintbagħat email fuq info@belandband.com