Filmat: Kunċert bl-opri tal-kompożitur Malti Girolamo Abos

Festivals Malta tniedi kunċert li jdawwar il-lenti fuq wieħed mill-aktar kompożituri Maltin prolifiċi: Girolamo Abos

Read in English.

Festivals Malta tniedi kunċert li jippreżenta opri mill-kompożitur Malti Girolamo Abos, li se jsir fis-7 ta’ Diċembru fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu fis-7.30 pm.

Il-kunċert se jsir mill-ensemble li ddoqq istrumenti tal-epoka ‘Les Bougies Baroques’ taħt id-direzzjoni tas-surmast Malti, ibbażat f’Londra, Ian Peter Bugeja. L-ensemble, immexxi minn Piotr Jordan, se jkun akkumpanjat mis-Sopran Nicola Said, Mezzo-Sopran Clare Ghigo u l-Countertenor Cenk Karaferya. Bugeja spjega li l-programm jinkludi 2 biċċiet orkestrali u 8 siltiet vokali minn opri ta’ Abos bħal Artaserse (1746), Tito Manlio (1751), u Pelopide (1747) fost oħrajn. Il-kompożizzjonijiet magħżula nbnew mill-ġdid mill-manuskritti ta’ Abos speċifikament għal din l-okkażjoni u din se tkun l-ewwel darba li se jiġu interpretati flimkien minn meta ġew miktuba fis-seklu 18.

Girolamo Abos kien wieħed mill-aktar kompożituri Maltin prolifiċi ta’ l-imgħoddi. Huwa twieled il-Belt Valletta fl-1715 u ntbagħat Napli biex jistudja l-mużika minn età żgħira. Huwa eventwalment bena karriera ta’ suċċess u ġie kkummissjonat biex jikteb varji opri f’uħud mill-ikbar ibliet Taljani, li ġew interpretati mill-ifjen kantanti ta’ dak iż-żmien. Huwa miet fl-1760 fl-età żgħira ta’ 45 sena, u baqa ma rritorna qatt fil-gżira ta’ twelidu.

Is-Sinjura Stivala, Direttur ta’ Festivals Malta, spjegat li dan il-kunċert huwa parti minn inizjattiva li peremezz tagħha, Festivals Malta flimkien mall-Kunsill Malti għall-Arti qed timpenja ruħha biex tqajjem kuxjenza dwar il-patrimonju li ħallew warajhom kompożituri Maltin bix-xogħlijiet tagħhom, li huma riflessjoni tal-identità tagħna. Is-Sinjura Stivala spjegat li “ħafna minn dan ix-xogħol huwa mifrux mal-Ewropa kollha u permezz tal-Fond tal-Kompożituri Maltin qed ninvestu bil-kbir fl-isforzi meħtieġa biex dawn ix-xogħlijiet jinġiebu Malta. Kompożizzjonijiet ta’ kompożituri Maltin mejta bħal Abos, huma ta’ valur kulturali kbir, li sfortunatament mhux qed jindaqq biżżejjed illum il-ġurnata.”

Il-kunċert ABOS: Opera Highlights, qed jittella’ fil-palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, li ġie speċifikament magħżul għall-atmosfera u l-arkitettura tiegħu peress li jipprovdi sfond perfett li huwa qrib ħafna tal-ambjent li fih kienet tindaqq il-mużika barokka dak iż-żmien. Tatiana Lisnic, id-direttur artistiku ta’ dan l-avveniment saħqet li “l-bini għandu rabta storika mal-mużika li qed nippreżentaw u ħassejna li permezz ta’ kunċert imtella fil-Palazz tal-Inkwżitur flimkien ma’ ensemble li ddoqq istrumenti tal-epoka stajna noħolqu esperjenza awtentika li tippermetti li l-udjenza tapprezza tassew is-sinifikat ta’ dan avveniment”.

Għal iktar informazzjoni wieħed mistieden iżur is-sit ta’ Festivals Malta, www.festivals.mt.  Il-biljetti jinstabu għal bejgħ fuq is-sit www.kultura.mt.