Filmat: Kumpanija tiddiżinfetta barra r-residenzi tal-anzjani b’xejn

Il-kumpanija Sanondaf bdiet tiddiżinfetta permezz ta’ fumigazzjoni ż-żoni ta’ barra tar-residenzi tal-anzjani kollha b’mod volontarju.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis. Din il-kumpanija bdiet dan il-proċess fejn ir-Residenza San Ġużepp, u fil-ġranet li ġejjin, b’kordinazzjoni ma’ dawk konċernati, Sanondaf se tiffumiga ż-żoni ta’ barra tal-bqija tar-residenzi.

Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Jason Degiorgio qal li Sanondaf hi kumpanija Maltija li tispeċjalizza f’servizzi ta’ diżinfezzjoni u li rnexxielha tkabbar l-operat tagħha f’territorji internazzjonali u fl-istess waqt, hi fost l-aqwa fl-industrija tad-dekontaminazzjoni. Sanondaf, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, offriet is-servizzi tagħha biex tiddiżinfetta ż-żoni madwar ir-residenzi tal-anzjani kollha. Dan se jsir b’mod voluntarju, sabiex il-kumpanija tgħin fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis faħħar lill-kumpanija ta’ dan il-ġest nobbli li qed tagħmel f’dawn iż-żminijiet ibsin. “Dan hu l-mument ta’ prova għalina lkoll. Issa hu l-mument li lkoll kemm aħna bħala poplu wieħed u magħqud nagħmlu l-parti tagħna u nuru kemm verament għandna qalb li taf tħobb u tgħin.”