Filmat: Kumpanija Maltija involuta fi frodi tat-taxxa fl-Italja

Minn tal-inqas kumpanija Maltija waħda tal-jets privati hija involuta fl-aħħar każ ta’ evażjoni tat-taxxa żvelati mill-aġenzija tal-infurzar tal-liġi Taljana, Guardia di Finanza (GdF).

Permezz tal-analiżi tal-informazzjoni u osservazzjonijiet, l-awtoritajiet Taljani rnexxielhom jikxfu prattiċi użati minn kumpaniji ta’ jets privati li jwasslu persuni sinjuri lejn Costa Smeralda. L-investigazzjoni sabet li dawn il-kumpaniji kienu qed jevadu t-taxxi.

Skont kumment mill-Guardia di Finanza, il-kumpaniji fallew milli jimxu mal-proviżjoni regolatorja tal-2011 li introduċiet taxxa ta’ €100 jekk titjira tkun ta’ inqas minn 1,500 kilometru u €200 jekk tkun aktar minn 1,500 kilometru. Mill-analiżi tal-informazzjoni pprovduta mill-ajruport u anke mill-osservazzjonijiet tal-ħinijiet li fihom waslu t-titjiriet, sabu li 54 kumpanija fallew milli jħallsu t-taxxi skont ir-regoli tal-avjazzjoni.

Il-midja Taljana rrappurtat li l-kumpaniji involuti jinkludu 14 mill-Ġermanja, disgħa mill-Awstrija, sitta mir-Renju Unit, tlieta mis-Serbja, tnejn mil-Lussemburgu, ħamsa mir-Repubblika Ċeka, u oħrajn mir-Rumanija, l-Bermuda, u anke Malta.

Il-kumpaniji għandhom jagħtu maż-€2 miljuni lill-Awtorijiet Taljani u multa addizzjonali ta’ €600,450 talli kisru r-regolamenti.