Filmat: “Kulma rridu nofs siegħa mal-Prim Ministru”

Il-PM f'kuntatt mal-familja Micallef

Caroline u Winston Micallef, il-koppja li spiċċat bla saqaf fuq rasha meta ġġarrfitilha darha f’Tal-Pietà, qalet li kulma jridu hu li jiltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela, li joffrilhom imqar nofs siegħa mill-ħin tiegħu.

Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt nhar il-Ħadd li għadda, il-familja esprimiet l-inkwiet tagħha fuq is-sitwazzjoni tagħha li baqgħet ma tranġatx. Qalu li la l-Prim Ministru preċedenti u lanqas il-dak attwali ma kkuntattjawhom. Caroline stqarret li kulma jridu huwa li jitkellmu mal-Prim Ministru fuq il-qagħda li qegħdin fiha, forsi tinstab xi tip ta’ soluzzjoni.

Jumejn wara, il-Prim Ministru għamel kuntatt ma’ Caroline u Winston, wara li ltaqa’ wkoll ma’ xi residenti oħra li s-sena li għaddiet iġġarrfitilhom darhom. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, Abela stqarr li għamel kuntatt magħhom ilbieraħ u anke llum permezz ta’ messaġġi. Caroline kkonfermat dan ukoll, u qalet li tittama li Abela jpoġġi magħha u ma’ żewġha biex jifhem is-sitwazzjoni tagħhom.

Hija stqarret li dak kollu li ħadmet għalih tul ħajjitha spiċċa terrapien f’sekonda, quddiem għajnejha. Tkellmu fuq it-trawma li għaddew minnha u qalu “mhux talli kissru lilna, talli kissru lill-familji tagħna wkoll.” Caroline qalet li meta tara lill-ġenituri tagħha, li għandhom iżjed minn 75 sena, ibatu magħha, “ma jifdal xejn ġo fik.”

Filmat: Miguela Xuereb, Ġurnalist: Christoph Schwaiger