Filmat: “Kull pajjiż Ewropew se jkun taħt il-lenti, inkluż Malta” – Metsola

Read in English.

Kull pajjiż Ewropew, u b’hekk inkluż Malta, se jkun taħt il-lenti tal-grupp ta’ MEPs li se jkunu qed iħarsu lejn is-Saltna tad-Dritt fl-Istati Membri Ewropej. Dan qalitu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Strasburgu.

L-intervista ġiet wara li xi ġimgħat ilu, Metsola ntagħżlet mil-ġdid bħala parti mill-grupp li jħares lejn ir-rispett lejn il-liġi (is-Saltna tad-Dritt). Hi qed tirrappreżenta l-Partit Popolari Ewropew (EPP). Il-mandat tal-grupp ġie estiż sal-2022. Il-grupp ingħata l-kompetenza li jħares ukoll lejn it-theddid tad-demokrazija, il-ksur tad-drittijiet u l-korruzzjoni fi Stati Membri Ewropej.

Metsola spjegat li l-għan tal-grupp huwa li kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea jkun taħt il-lenti. Qalet li x-xewqa hija li jkun hemm analiżi indipendenti fuq kull pajjiż membru fejn għandhom x’jaqsmu l-istituzzjonijiet, il-ġudikatura, il-mod kif il-pajjiż jissielet kontra l-ħasil tal-flus, eċċ. Qalet li se jkunu qed jassiguraw li ssir ġustizzja ma’ dawk kollha li ħaqqhom li ssir ġustizzja magħhom. Sostniet li huwa privileġġ għaliha li se terġa’ tkun qed tagħmel parti minn dan il-grupp.

“Dmir tiegħi biex nassigura li pajjiżna jkollu reputazzjoni tajba”

Metsola hija waħda minn dawk li huma vokali dwar il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u s-saltna tad-dritt f’Malta. Mistoqsija dwar fiex taħseb li waslet Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, Metsola qalet li r-rapporti juru biċ-ċar li hemm problemi sistematiċi kbar li hemm bżonn jitranġaw. Qalet li huwa dmir u obbligu tagħha biex taħdem sabiex il-pajjiż igawdi minn reputazzjoni tajba u kredibilità.