Filmat: “Kull natura hija importanti” – Meadow Strings

Il-grupp Meadow Strings għadhom kif nedew kanzunetta ġdida, Tbexbex, akkumpanjata wkoll minn vidjow miżikali miġbud minn Mario Camilleri. Huwa dam madwar sena biex jiġbed filmati diversi biex ikun jista’ jinkludihom f’dan il-vidjow mużikali.

Il-lirika hija ta’ Mario Camilleri, wieħed mill-membri tal-band filwaqt li l-melodija u l-arranġamenti mużikali, apparti tal-vjolin, li jinkludu wkoll il-vuċijiet huma ta’  Magdalene Farrugia, il-membru l-ieħor f’dan il-grupp.

Għal din il-kanzunetta Mario u Magdalene daħħlu magħhom lill-vjolinist Mario Ciantar, li ħa ħsieb l-arranġamenti muzikali tal-vjolin.

Il-kanzunetta, li hija l-ewwel waħda bil-Malti minn dan il-grupp, titratta prinċipalment fuq in-natura li kapaċi tgħix flimkien bid-diversità tagħha u tidħol ix-xemx bħala metafora li dejjem tizreġ fuq kulħadd bl-ikbar imħabba lejn kull natura l-istess. 

“Kull natura hija importanti u bħal mal-ħlejjaq kapaċi jgħixu flimkien għalina l-bnedmin għandu jkun eżempju li nagħmlu l-istess,” ikkummentaw il-membri tal-grupp Meadow Strings.

“L-annimali huma parti integrali mill-ambjent ta’ madwarna. B’hekk għandna d-dover u d-dmir li nħarsuhom. L-eżistenza tagħhom hija importanti għall-bniedem daqs kemm kieku tkun il-qerda tagħhom, ta’dannu għall-umanita’. Il-kanzunetta qed tinqeda bl-imħabba tax-xemx biex temfasizza dan,” temmew jikkummentaw iż-żewġ membri tal-grupp Meadow Strings.