Filmat: “Kull min attakka lil Daphne għandu jitlob apoloġija”

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li sar żball meta nies miż-żewġ partiti politiċi tħallew jattakkaw lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u stieden, kemm lill-Prim Ministru iżda wkoll lil dawk kollha li attakkaw jew ħallew nies li jattakkaw lil Caruana Galizia biex jitolbu skuża.
F'kummenti lil Newsbook.com.mt, wara d-dibattitu tat-Tlieta, David Casa wiegħed li fil-Parlament Ewropew se juża l-mezzi kollha li għandu biex issir ġustizzja ma' Daphne Caruana Galizia u saħaq li lest li jagħmel dan anke jekk il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx mal-miżuri tiegħu, anke jekk qal li mhux se jkun il-każ.
"Se nimxi wara s-soċjetà ċivili u mhux il-partit tieghi," saħaq David Casa.

Mistoqsi wkoll minn Newsbook.com.mt dwar jekk il-Partit Nazzjonalista għandux jitlob skuża lil Daphne Caruana Galizia ġaladarba kienet attakkata meta kkritikat il-Kap Adrian Delia, l-MPE insista li kull min xi darba attakka jew ħalla lil min jattakkaha, għandu jitlob apoloġija pubblika.
David Casa, filwaqt li kkritika l-istat Malti, li fi kliemu ħalla lil Caruana Galizia waħedha, staqsa jekk hux qed tingħata protezzjoni lil min se jkompli xogħolha u lill-qraba tagħha.
Saħaq li hu mhux kuntent bil-mod kif il-Kummissjoni Ewropea qed titratta dan il-każ u tħares lejn is-sitwazzjoni ta' Malta. Saħaq li għandha tagħti iżjed widen għat-tħassib li wrew ilbieraħ għadd ta' partiti fil-Parlament Ewropew.
Kompla jgħid li hu diġà talab lill-Partit Popolari Ewropew u lill-Kumitat PANA biex dan id-dibattitu jkompli u ma jiqafx mal-bieraħ. Fakkar li dak li ngħad ilbieraħ huwa wkoll frott ta' tħassib u d-dibattiti oħra li diġà kien hemm dwar is-Saltna tad-Dritt f'Malta.
"Se nużaw il-mezzi kollha biex dak li beda lbieraħ ma jkunx it-tmiem," qal Casa.
Kien hawn li kkritika dak li qalu MPEs Laburisti ma' Newsbook.com.mt, li xi ħadd qed "irewwaħ" fil-Parlament Ewropew biex jipprova jagħmel ħsara lil Malta.
Fakkar li nhar it-Tlieta mhux il-Partit Popolari Ewropew biss wera tħassib tiegħu dwar Malta u qal li l-Prim Ministru għandu jirreżenja, imma anke gruppi oħra, fosthom dak tal-ħodor.
Wara d-dibattitu tat-Tlieta Newsbook.com.mt tkellem mal-Membri Parlamentari kollha Maltin.
Kompli segwi Newsbook.com.mt li fil-jiem li ġejjin se jirrapporta dak li qalu l-bqija tal-MPEs Maltin.