Filmat: “Kull darba li ridt nikkritika lill-Gvern għamiltha” – Abela

Read in English.

Id-Deputat Laburista Robert Abela qal li kull darba li ħass li kellu jikkritka lill-Gvern għamel dan mingħajr ħadd ma waqqfu jew sikktu. Dan qalu hu u jiġi intervistat LIVE minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Hu qed jikkontesta l-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista wara li Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja f’Jannar.

Fost l-ispunti li ddiskutew fl-intervista tkellmu dwar il-kritika li għamel il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler fejn fost l-oħrajn qal li d-deputati m’għandhomx jitħallew jaċċettaw ħatriet bħala persuni ta’ fiduċja jew bħala membri ta’ bordijiet jew kumitati tal-gvern.

Abela sostna li għall-kuntrarju ta’ dak li qal Hyzler, il-Gvern mhux vera xtara l-vuċi tal-backbenchers tiegħu. Irrimarka li hu kien wieħed minn dawk li l-aktar tkellem u kkritika u l-Gvern qatt ma xtara s-silenzju tiegħu għax jagħmel ix-xogħol legali għall-Gvern. Irramarka li l-vuċi tiegħu la nxtrat u lanqas se tinxtara.

Intant tkellem ukoll dwar il-pagi tal-Membri Parlamentari, dan hekk kif għal numru ta’ drabi ġie rrimarkat li dawn għandhom paga baxxa wisq. Qal li dan l-aspett ġie diskuss fil-grupp parlamentari din is-sena. Qal li filwaqt li hemm bżonn issir diskussjoni biex jiġi deċiż xi tibdil fil-paga u kundizzjonijiet tax-xogħol, hemm bżonn riforma u din ma ssirx minn lejl għal nhar. Qal iżda li din ir-riforma mhix prijorità għalih.