Filmat: Skema sabiex tinstab familja lill-annimali li qegħdin l-Animal Welfare ta’ Għawdex

Read in English.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat lill-Annimali, li se jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Ottubru, il-Ministeru għal Għawdex, permezz tas-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan id-Direttorat EkoGħawdex nieda skema biex inħajru l-familji jadottaw u jieħdu ħsieb l-annimali li hemm fis-sezzjoni tal-Animal Welfare ta’ Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “permezz ta’ din l-iskema li ser tkun miftuħa matul Ottubru kollu, se nagħtu lill-familji l-ġodda tal-annimal domestiku erba’ żjarat b’xejn għand il-veterinarju tal-Ministeru għal Għawdex fi ħdan is-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali u mat-tielet vista għand il-veterinarju jingħata wkoll voucher ta’ €50 biex jissarraf f’ikel, f’mediċini jew bżonnijiet oħra għall-annimal domestiku adottat”.

Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza li l-adozzjoni ta’ annimal domestiku hija impenn tul il-ħajja u kull annimal adottat għandu jitqies bħala membru tal-familja.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ EkoGħawdex spjega kif meta tagħżel li tadotta annimal domestiku tkun qed tagħti dar ġdida u bidu ġdid lil annimal fil-bżonn.

Din l-iskema hija valida għal matul ix-xahar ta’ Ottubru kollu. Termini u kundizzjonijiet oħra japplikaw.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jirrikorri fiċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali.

Ritratt; DOI

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.