Filmat: “Kull 5 snin jagħtina show” – Opinjonist dwar Lowell

Id-Direttur tal-MISCO u Opinjonist Lawrence Zammit qal li l-kandidat tal-partit Imperium Europa Norman Lowell, ta’ kull ħames snin jagħti “show”. Dan qalu waqt programm speċjali meta kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono waqt kollegament fuq RTK 103FM għal żmien l-elezzjonijiet.

Ir-riżultati tal-bieraħ wasslu sabiex il-partit estremist Imperium Europa jikseb total ta’ 8,236 vot, jiġifieri 3.17%. B’hekk hu ġie klassifikat bħala t-tielet l-aktar partit popolari wara li rnexxielu jgħeleb lill-kandidati kollha tal-Partit Demokratiku u tal-Alternattiva Demokratika.

Aqra: Id-distakk bejn il-partiti jonqos għal 42,656 vot

Zammit qal li hemm bżonn li wieħed janalizza jekk il-voti li ngħataw lil Norman Lowell kienux voti ta’ protesta. Hu insista li Imperium Europa ma jistax jitqies bħala partit għax huwa ‘one-man-show’, li lanqas biss għandu parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali. Qal li dan jitfaċċa għall-elezzjonijiet Ewropej kull ħames snin u mbagħad ikun hawn min jiddeċiedi li jivvutalu.

Aqra: Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar is-6 MEPs eletti

Kienu bosta dawk li baqgħu ixxukkjati bl-ammont ta’ voti li kiseb Lowell u taw l-opinjonijiet tagħhom fuq Facebook. Kien hemm min irrimarka li wieħed ma jistax jara ammont daqshekk kbir ta’ voti bħala vot ta’ protesta iżda bħala mentalità li qed tikber fil-pajjiż. Kien hemm min qal li dawk li ddeċidew li jivvutaw lil Lowell għamlu dan sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom kontra l-immigranti. Oħrajn imbagħad qabblu l-ideat radikali ta’ Lowell ma’ dawk ta’ Hitler.