Filmat: “Kulħadd b’sejħa biex jaħdem għall-ġid komuni”

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li nies bħal Mons. Enrico Dandria jfakkru li kulħadd għandu sejħa speċjali biex jaħdem għall-ġid komuni u li dan l-istess impenn huwa l-fattur li jagħmel poplu.
Dan qalu fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Enrico Dandria, Qassis, Politiku, Patrijott’ miktub minn Max Farrugia.
Mons. Scicluna saħaq li l-iktar ħaġa li impressjonatu fil-ktieb dwar ħajjet Dandria huma r-ritratti li jsejħilhomn “straordinarji” li ġabulu nostalġija ta’ Malta f’dawk iż-żminijiet.
Dandria għex fi żminijiet fejn kien hawn ħafna tibdiliet fil-politika tal-pajjiż meta twaqqfet l-Assemblea Nazzjonali, l-irvell tas-Sette Giugno, l-ewwel partiti politiċi, elezzjonijiet u Gvern Malti fost oħrajn.
Huwa magħruf l-aktar bħala l-Ministru-qassis hekk kif il-ħidma politika tiegħu bdiet fl-Unione Politica Maltese (UPM) u eventwalment sar Ministru għall-Edukazzjoni.
Il-ktieb jitkellem dwar ix-xogħol siewi li għamel Dandria bħala Ministru fil-qasam tal-edukazzjoni meta ħadem għall-kundizzjonijiet aħjar għall-għalliema u beda programm ta’ bini ta’ skejjel ġodda madwar Malta. Hu kien dak li introduċa attendenza obbligatorja għat-tfal li kienu jmorru l-iskola.