Filmat: Ktieb ġdid b’dak li qal l-Isqof Grech fis-Sena Marjana

Id-Djoċesi ta’ Għawdex ippubblikat ktieb bl-omeliji u l-interventi li għamel l-Isqof Mario Grech fis-Sena Marjana. Il-ktieb bl-isem “Tibżax tieħu għandek lil Marija”, li huwa stampat kollu kemm hu bil-kulur, fih bosta ritratti ta’ xbihat Marjani li jinsabu fil-knejjes ta’ Għawdex.

Waqt it-tnedija tal-ktieb fir-Rabat, Għawdex, l-Isqof Mario Grech qal li “j’alla l-imħabba tagħna lejn il-Madonna u r-riflessjoni dwarha jgħinu lill-poplu jagħraf lilu nnifsu bħala Knisja”.

Huwa temm b’appell biex l-Għawdxin ikomplu jikbru bir-riflessjonijiet Marjani u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-reġjun Għawdxi.

L-Isqof irringrazzja lil Francesco Pio Attard li ħadem biex jiġbor l-Omeliji u l-istqarrijiet kollha biex issa jinsabu ppubblikat f’dan il-ktieb.

B’qoxra iebsa u b’40 omelija u ittri pastorali f’250 paġna qed jinbiegħ għall-prezz ta’ €25. Il-prezz ta’ qabel il-pubblikazzjoni se jibqa’ validu sal-15 ta’ Jannar li ġej.

Filmat: Joe Grech