Filmat: “Ktibt din il-kanzunetta fuq oħti li ħallietna qabel twelidt jien”

Emma Cutajar
Il-familja Cutajar tingħaqad ma' Emma fuq il-palk ta' Malta's Got Talent wara li t-tfajla ngħatat ilGolden Buzzer

Emma Cutajar ta’ 14-il sena hija l-ħames parteċipanta waqt il-Malta’s Got Talent li rnexxielha tikseb postha bis-semi finali tal-programm wara li Maxine Aquilina tatha il-Golden Buzzer wara l-interpretazzjoni tagħha ta’ kanzunetta oriġinali, kompożizzjoni tagħha stess.

Emma, bint id-Deputat Parlamentari Robert Cutajar, daqqet il-pjanu għall-kanzunetta I Miss You, l-ewwel waħda tagħha, b’dedika lil oħtha Erica li ħallietna qabel ma twieldet hi.

“Avolja ma lħaqthiex, dejjem nimmissjaha u dejjem nistaqsi kif ħajti kienet tkun kieku għadha magħna,” ikkummentat it-tfajla.

“Naf li għalkemm m’għadhiex magħna, naf li qegħda miegħi u xorta qed tissapportjani,” kompliet tgħid Emma li stqarret li l-ħin liberu tqattgħu tikteb u tkanta u kienet tikteb versi u frażijiet sa mill-età ta’ sitta jew seba’ snin.

Il-kanzunetta li hija kantat kitbitha tlett snin ilu iżda kien dan l-aħħar li reġgħet irranġatha biex b’hekk setgħet twettaq ħolma li kellha li tieħu sehem f’xi programm bħal dan wara li kienet ilha żmien twil issegwi edizzjonijiet ta’ barra.

“Ġibtna mbikkmin kollha,” ikkummenta Ray li żied jgħid li l-ebda ġenitur m’għandu jara lil uliedu jmutu.

L-erba’ membri tal-ġurija ssammru bl-interpretazzjoni ta’ Cutajar, tant li Maxine qamet minn fuq is-siġġu u għafset il-Golden Buzzer biex b’hekk it-tfajla għaddiet b’mod dirett għall-fażi tas-semi finali tal-programm Malta’s Got Talent.

Segwi l-wirja kollha hawn: