Filmat: “Kontra l-ewtanażja; favur mewta dinjituża” – Fearne

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li hu kontra l-ewtanasja u favur mewta dinjituża. Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg u segwaċi ta’ Newsbook.com.mt waqt intervista mxandra LIVE.

Fearne, flimkien mad-deputat Robert Abela qed jikkontestaw għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista.

Filwaqt li insista li hu kontra li wieħed jinstiga l-mewt permezz tal-ewtanasja, Fearne irrimarka li hu favur li persuna titħalla tmut mewta dinjituża.

Hu u jitkellem dwar esperjenzi li ħabbat wiċċu magħhom hu fiż-żmien meta kien għadu jaħdem bħala kirurgu, Fearne spjega li meta persuna tkun waslet fl-aħħar sigħat tal-ħajja għandu jkun hemm ċertu sens ta’ dinjità. Spjega li jifhem li kultant isiru sforzi sopranaturali biex il-persuna f’xifer il-mewt tingħata ftit iktar sigħat jew xi ġurnata oħra ħajja. Qal iżda li dan ħafna drabi jsir b’detriment għall-pazjent inniffsu, id-dinjità tiegħu u l-qraba tiegħu.

Spjega li matul l-aħħar snin kellu bosta diskussjonijiet dwar kif wieħed jista’ jagħti mewta aħjar. Irrimarka li l-ebda mewta ma hi sabiħa. Spjega li x-xewqa tiegħu hija li persuna li tkun waslet fl-aħħar ta’ ħajjitha titħalla jkollha mewta b’dinjità jekk jista’ jkun f’darha stess jew inkella f’ambjent ta’ hospice, ‘il bogħod mill-uġigħ u interventi eżaġerati li m’hemmx ċans li jfejjquha.

Fearne qal li s’issa din il-ħaġa mhux dejjem tiġri għax għad hawn kultura fejn l-istaff mediku jibża’ li jekk ma jkunx qed jagħmel assolutament kollox biex jipprolonga l-ħajja anke bi ftit sigħat, ikun qed jikser l-etika. Qal li għalhekk jixtieq li jqajjem diskussjoni fil-pajjiż.