Filmat: Kont taf li Għawdex kien indipendenti għal 22 xahar?

Għawdex għamel tal-inqas 22 xahar indipendenti, iżda huma ftit dawk li jafu dan il-fatt interessanti fl-istorja tal-gżejjer Maltin. Dr Alfred Grech qal li kienu biss Fr Joe Bezzina u Joe Debono li ddokumentaw dan il-fatt.

Il-gżira Għawdxija kienet indipendenti bejn l-1798 u l-1801, waqt il-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi. F’dan iż-żmien, Għawdex kienet magħrufa bħala La Nazione Gozitana bit-Taljan.

Dan intqal fid-diskors li għamel Dr Alfred Grech, President taċ-Circolo Gozitano, fl-okkażjoni tal-għoti ta’ Ġieħ Għawdex 2018 f’Jum Għawdex, Pjazza Indipendenza, fir-Rabat, il-Ħadd 28 ta’ Ottubru 2018.

L-arċipriet tar-Rabat Saverio Cassar kien dak li talab li Għawdex isir djoċesi separata. Id-Djoċesi ta’ Għawdex eventwalment inħolqot fit-22 ta’ Settembru, 1864, 65 sena wara l-petizzjoni ta’ Cassar. Matul iż-żmien li Għawdex kien indipendenti, Cassar organizza l-amministrazzjoni, fetaħ il-qrati u ġew eletti ġurati ġodda, u anke fetaħ dar tad-dwana.

Dr Grech semma wkoll ġrajjiet oħra fl-istorja bħar-rewwixta kontra Gonsalvo Monroj fl-1425, u realtà kurrenti, il-biża’ tal-Maltin u l-Għawdxin li jsiru barranin f’pajjiżhom stess bin-numru ta’ barranin dejjem jiżdied fil-pajjiż.