Filmat: “Kont sejjer lura d-dar; rajtha mejta; għamiltilha l-Griżma”

Il-qassis li għamel il-griżma tal-morda lil Johanna Boni, il-mara li mietet f’ħabta bil-mutur fin-Naxxar madwar tliet snin ilu tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar kif iltaqa’ max-xena tal-inċident u immedjatament għamel li seta’ biex talab għal ruħ il-vittma tal-inċident.

Fr Ray Toledo kien qed imexxi sezzjoni ta’ talb u riflessjoni dwar Boni fil-mafkar tagħha fin-Naxxar waqt id-dawra tal-muturi li saret il-Ħadd li għadda. Hu rrakkonta li jiftakar dik il-ġurnata tajjeb ħafna. Qal li fi triqtu lura d-dar, u meta kien miexi induna li kien hemm inċident fatali.

Filmat: Xemgħat, fjuri u muturi għal Johanna fin-Naxxar

Immaġina li kien hemm persuna mejta u staqsa lill-Pulizija jekk kienx mar qassis fuq il-post. Il-Pulizija qallu li le u minn hemm ħareġ il-kurċifiss u ż-żejt tal-griżma, mar ħdejha u għamel it-talb tiegħu u s-sagramet tal-griżma. Qal li wara li għamel kwarta jitlob, kompla triqtu lejn id-dar.

Fr Toledo spjega kif il-familja tagħha l-għada sabuh fil-Parroċċa tan-Naxxar u rringrazzjawh ta’ li għamel. Minn hemm sostna li bdiet ċertu ħbiberija ma’ din il-familja li kienu għadhom kemm tilfu lil Johanna. Hu mbagħad kien saħansitra qaddes il-funeral tagħha filwaqt li baqa’ jkun preżenti kull sena sabiex titfakkar il-memorja tagħha.

“Il-ġenituri ta’ Johanna tawni pendent tagħha wara mewtha”

Xemgħat, fjuri u għexieren ta’ persuni bil-muturi fakkru l-memorja ta’ Johanna Boni lbieraħ. Hi mietet fl-età 27 sena wara ħabta ma’ trakk fi Vjal il-Labour fin-Naxxar. Hi kienet ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.