Filmat: “Kont qed nilgħab mat-tfal f’Lejliet il-Milied u ħassejt boċċa” – Rowena

Rowena Enriquez irrakkuntat kif skopriet li għandha kanċer tas-sider meta kienet qed tilgħab ma’ wlieda f’Lejliet il-Milied. Qalet li għaddiet idha minn fuq sidirha u ħasset boċċa.

Enriquez, li hija l-Viċi President ta’ Europa Donna Malta kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt. Hi qalet li skopriet li kellha kanċer tas-sider 10 snin ilu, meta kellha biss 29 sena. Uliedha dak iż-żmien kellhom tlieta u sitt snin. Wara dak li ħasset f’Lejliet il-Milied, tkellmet ma’ tabib u bagħtha sabiex tagħmel mammogram u ultrasound. Hemmhekk ikkonfermat li dak li kellha kien appuntu kanċer tas-sider.

Spjegat li wara, ħadet il-kimoterapija u r-raġġi, imbagħad kompliet bil-mediċini. Spjegat li wara xi sena u nofs li lestiet mit-trattament, sabet boċċa oħra. Minkejja li nstab li dan ma kienx kanċer, xorta waħda għamlet l-operazzjoni sabiex titneħħa l-boċċa. Spjegat li fil-familja qatt ma kellha lil ħadd li kellu l-kanċer u sfortunatament kellha toħroġ fuqha.

Aqra: Filmat: “Malli sirt nanna sabuli kanċer” – Gertrude

Irrimarkat kif kien perjodu iebes ħafna. It-tfal kienu għadhom żgħar u kien diffiċli għalihom jifhmu x’inhu jiġri. Qalet li t-tifel ħadha mod, imma t-tifla ħaditha ħażin. Qalet li saħansitra bħal donnu ma setgħetx taċċetta lil ommha bla xagħar. Minkejja dan, qalet li sabet għajnuna u sapport mill-familja.

Enriquez spjegat kif dak iż-żmien hi sabet l-għajnuna minn Europa Donna Malta. Dan huwa grupp ta’ sapport għal persuni li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer. In-nisa li jagħmlu parti minn dan il-grupp jagħtu s-sapport u jgħinu lil xulxin fi żmien kemmxejn diffiċli. Spjegat kif kienet ċemplet lil Gertrude Abela, il-President tal-għaqda u ftehmu sabiex jiltaqgħu. Minn dakinhar, hi saret membru tal-għaqda.

Illum il-ġurnata, xogħolha fil-grupp huwa li tagħmel kuraġġ lil nisa oħrajn li għandhom il-kanċer tas-sider. Speċjalment nisa iżgħar fl-età. Sostniet li ħadd ma għandu jaħseb li għax għadu żgħir jew għax ma għandux storja ta’ kanċer fil-familja mela ma jistax jaqbdu l-kanċer. Insistiet li ladarba kollha ninsabu taħt l-istess sema, mela kollha nistgħu ngħaddu minn din is-sitwazzjoni.

Rowena Enriquez issa qed isservi bħala Viċi-President tal-għaqda Europa Donna Malta.

Jekk tixtieq titlob l-għajnuna tal-għaqda, tista’ tagħmel dan billi ċċempel fuq 99994666 jew inkella tibgħat e-mail fuq info@europadonnamalta.org.mt.