Filmat: “Kont nonfoq mal-€1,600 f’erbat ijiem…”

“Kont nonfoq mal-€1,600 fid-droga u x-xorb f’erbat ijiem barra. Wara kien ikolli bżonn tlett ijiem biex niġi f’tiegħi.” Kien wasal f’punt fejn beda jitlef dak kollu li kellu: lil qrabatu, lis-sieħba, ix-xogħol u anke l-irġulija.
Ethan*, eksdrogat kif ukoll bniedem li beda jixrob l-alkoħol minn meta kellu 14-il sena, tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar kif nies li ma jafhomx salvawlu ħajtu.
“Fi ftit xhur wara li bdejt nixrob, bdejt l-ekstasi u ftit wara, il-kokaina. Issibhom fejn trid u xħin trid. L-imħabba u d-dixxiplina li sibt fil-programm tal-Caritas salvawli ħajti.”
Filwaqt li jisħaq li dejjem ħadem biex ikollu l-flus ħalli jmantni l-vizzju tax-xorb u tad-droga, Ethan jgħid li kien hemm perjodi fejn kellu jivvinta diversi raġunijiet biex jissellef mingħand tal-familja. “Qatt ma sraqt; dejjem ħdimt jew issellift imma ma nafx x’kien jiġri kieku ma sibtx il-flus,” qal Ethan waqt li kkonferma li faċilment tkun tixtieq tisraq minħabba l-vizzju. “Kelli min itini l-pariri, kemm biex nieqaf mill-vizzji, minn fejn nixtri u saħansitra min jgħidli li ġejjin il-Pulizija.”
Fid-dsatax-il sena li dam jieħu l-kokaina u jixrob, Ethan qatt ma xellef difru mal-liġi. “Kont noqgħod attent ħafna, għalkemm meta tkun taħt l-effett tad-droga tiġi għala biebek minn kollox. Kont nitlaq minn fejn inkun meta kienu jgħiduli li riesqa l-liġi. Forsi kont ixxurtjat ukoll imma qatt ma nqbadt.”
Meta Ethan mess il-qiegħ, ħass li kellu jagħżel bejn id-droga, l-ħabs, iċ-ċimiterju jew ibiddel ħajtu. “Kellimt lid-direttur tal-Caritas li laqagħni b’idejh miftuħa. Bdejt programm u llum ili sentejn clean,” jgħid Ethan b’ħarsa sodisfatta u b’emozzjoni.
“Kif naħsel wiċċi filgħodu ngħid għaddiet ġurnata oħra. Suċċess ieħor mingħajr id-droga. Ninsab ‘linja’ ‘l bogħod milli nerġa’ nibda imma l-għan ewlieni tiegħi huwa li nibqa’ clean.”
Bidla li ma stajtx ma ninnutax waqt id-diskursata tiegħi ma’ Ethan kienet li għadda minn perjodu fejn ma kienx joħroġ jekk ma jkollux flus għad-droga u għax-xorb. Illum huwa jitlaq minn fejn ikun jekk jara movimenti jew sinjali li hemm id-droga jew ix-xorb.
Ara l-filmat tal-intervista sħiħa ma’ Ethan u xtarr minn xiex għadda. L-intervent tal-Caritas kien fundamentali biex Ethan ma spiċċax statistika oħra dwar l-imwiet bid-droga.
Din il-ġimgħa segwi Newsbook.com.mt biex tara kif Ethan ħass li l-ġenituri tiegħu setgħu ntebħu li kellu l-vizzji u kif l-appoġġ tan-nies ta’ madwaru kien essenzjali fit-triq tar-riabilitazzjoni.
Filmat u Ritratt: Ian Noel Pace  
*isem fittizju