Filmat: “Kont ngħix ħajti qisni attur fuq palk biex in-nies ikollhom grazzja miegħi”

 “Iffaċċjajt bullying l-iskola għax missieri kien gay
 “Aħna ngħixu normali, ma ngħallmux lil uliedna jkunu gays”
Dawn huma ftit mill-esperjenzi ta’ għadd ta’ nies gays espressi fil-filmat #OurChildrenAreAlright mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
Waqt konferenza li matulha tnieda l-filmat, ġie spjegat li l-idea biex isir twieldet wara li l-Fondazzjoni semgħet għadd ta’ vuċijiet ta’ familji, li wħud minnhom kienu jgħixu misturin għal snin twal.
Cher Laurenti Engerer, il-producer tal-filmat spjegat li l-parteċipanti ntgħażlu b’sejħa pubblika. Stqarret li huma kienu ħielsa jgħidu dak li jħossu u għaldaqstant ma ngħatalhomx ebda skript.
Spjegat li meta kienet żgħira marret tgħix l-Awstralja,  u minħabba li kellha aċċent Malti, is-soċjetà kienet twarrabha u bdiet tħoss il-bżonn li tħossha normali. Saħqet li minn hemm intebħet li fil-ħajja hemm realtajiet differenti.
Engerer saħqet li l-mentalità li t-tfal għandhom jiġu mrobbija minn raġel u mara hija mxejna mir-riċerka. Qalet li r-riċerka turi li tfal imrobbija minn gays mhumiex żvantaġġati.
Min-naħa tagħha, Dr Ruth Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, spjegat li dan il-filmat jiċċelebra u jlaqqa’ flimkien l-inklussività u d-diversità.
Fil-messaġġ tagħha, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-familji huma l-qalb tas-soċjetà, li jippromwovu l-imħabba u l-istabbiltà.  Saħqet li dan il-proġett għandu l-għan li jesprimi l-ħajja ta’ kuljum tal-familji gay, biex jippromwovi r-rispett u l-inklussività.

Filmat: Fondazzjoni tal-President għat-Tisħiħ tas-Soċjetà