Filmat: ​“Konsultazzjoni maċ-ċittadini Ewropej, mhux biss man-nies tas-soltu” – Il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonsulta maċ-ċittadini Ewropej dwar fejn jaraw huma li jridu li l-Ewropa tmur għall-futur.
Fi tmiem ir-raba’ summit tal-Mexxejja tan-Naħa t’Isfel tal-Ewropa f’Ruma, Dr Muscat spjega li dan għandu jsir b’mod wiesa’ ħafna mhux biss mal-istess nies tas-soltu, imma jilħaq anke nies fil-periferija tas-soċjetajiet, inkluż dawk li ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa l-Unjoni Ewropea.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fi tmiem ir-raba’ summit tal-Mexxejja tan-Naħa t’Isfel tal-Ewropa f’Ruma.
Flimkien mal-mexxejja l-oħra, il-Prim Ministru Malti qabel mal-proposta tal-President Franċiż Emmanuel Macron, li tkellem dwar il-bżonn ta’ konsultazzjoni maċ-ċittadini Ewropej.
Joseph Muscat qal li dan is-summit mhuwiex bejn grupp ta’ pajjiżi li jrid jinqata’ mill-Unjoni Eweropea, imma grupp li jrid imexxi ‘l quddiem l-ideat tiegħu fuq diversi oqsma li għaddejjin fl-Unjoni.
Semma bħala eżempju l-baġit tal-Unjoni Ewropea li qed jiġi diskuss fl-ambitu tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni li kienet tikkontribwixxi biljuni.
Il-Prim Ministru fisser li d-diskussjoni hija jekk dawn il-flus jagħmlux tajjeb għalihom pajjiżi tal-UE jew jekk jonqsux mill-baġit kif ukoll liema setturi għandhom jingħataw prijorità.
Filmat: DOI/Ritratt: DOI – Jason Borg