Filmat: Konrad Mizzi qrah jew le d-digriet?

Skont il-Ministru Konrad Mizzi Newsbook.com.mt ma qarax id-digriet tal-Qorti maħruġ mill-Maġistrat Doreen Clarke iżda aktar tard huwa qal lill-ġurnalist biswit Newsbook li huwa kien għadu ma qarax id-dokumenti u se jkunu qed jarawh l-avukati tiegħu.

AQRA: Aġġornata (2): Panama Papers: Maġistrat tordna inkjesta – Repubblika

AQRA: Biżżejjed evidenza biex tibda investigazzjoni kriminali kontra Mizzi u Schembri -PD

Newsbook.com.mt kien qed jistaqsi lill-Ministru dettalji dwar id-digriet maħruġ mill-Maġistrat Doreen Clarke t-Tnejn. Il-Maġistrat sabet li mid-dokumenti preżentati fil-Qorti jista’ kien hemm reat u għalhekk ordnat inkjesta maġisterjali dwar il-ministru Konrad Mizzi u l-kap tas-segrearjat tal-Prim Ministru Keith Schembri. Hija ordnat li l-evidenza preżentata tgħaddi lill-Maġistrat Charmaine Galea biex tifforma parti mill-inkjesta dwar l-kumpanija 17 Black li hi bbażat f’Dubaj u s-sid tagħha huwa direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech.

Fid-digriet tagħha, Clarke qalet “…Illi minn qari ta’ din in-nota huwa ċar li ħafna mill-allegazzjonijiet magħmula fir-rikors odjern jinkwardraw hemm referenza għal reati oħra li mhumiex indikati fin-nota li permezz tagħha bdiet l-inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Galea. Jekk tinbeda inkjesta oħra fuq talba tar-rikorrenti ser ikunu qed jinżammu kontemporanjament żewġ inkjesti li jkunu qed ‘jinvestigaw’ l-istess-fatti, għalkemm waħda (li tista’ tinbeda fuq l-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti) jista’ jkun li  ser tkun qed ‘tinvestiga’ xi fatti oħrajn”. 

Għaldaqstant l-Maġistrat ddikjarat li kien hemm bażi biżżejjed biex issir inkjesta u kompliet tgħid li peress li hemm diġà inkjesta oħra dawn għandhom jgħaddu lill-Maġistrat li qed tmexxi l-inkjesta l-oħra. Il-Maġistrat Clarke għalhekk ordnat li l-atti tal-proċeduri tar-rikors preżentat quddiemha jintbgħatu lill-Maġistrat Charmaine Galea.

Meta l-Ministru Mizzi inġibditlu l-attenzjoni dwar id-digriet tal-Maġistrat Clarke huwa wieġeb lil Newsbook.com.mt “inti qrajtha d-digriet?…Ma naħsibx li qrajtha, għax ma qalitx hekk.” Iktar tard waqt li qed iwieġeb għad-domandi fuq l-inkjesta mill-ġurnal the Malta Independent, Mizzi qal li huwa għadu ma rax dokumenti u kien qed iħalli f’idejn l-avukati tiegħu.

AQRA: Awdjo: Hawn nies lesti jiġġieldu għall-verità – Busuttil