Filmat: Konfiska ta’ 2.9 miljun sigarett mid-Dwana

Uffiċċjali mid-Dipartiment tad-Dwana għamlu sejba enormi ta’ sigaretti fil-Freeport. Dan hekk kif ikkonfiskaw mat-2.9 miljun sigarett.

Fi stqarrija mid-Dwana ġie spjegat li l-uffiċċjali għamlu tfittxijiet fuq kontejner li kien fih 40 pied u li kien telaq mir-Russja. Hu kien direzzjonat lejn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea mhux speċifikat. Hu ntagħżel sabiex jiġi spezzjonat f’Malta.

Il-kontejner kien iddikjarat li qed iġorr l-injam. Infatti ġie spjegat li mal-fetħa tal-kontejner, wieħed seta’ biss jara l-injam. Madanakollu malli sar l-iscanning ħareġ li kien hemm xi ħaġa moħbija fl-injam stess. Kien hemm li l-uffiċċjali ddeċidew li jkissru waħda mis-serratizzi.

Huma sabu 48 pakkett ta’ sigaretti kuntrabandu fl-ewwel injama. Huma komplew ikissru s-seratizzi u baqgħu dejjem isibu aktar sigaretti moħbija.

Wara ħidma li damet għaddeja 36 siegħa, instabu total ta’ 145,000 pakkett b’20 sigarett f’kull wieħed. Dan ifisser li kien hemm total ta’ 2.9 miljun sigarett, b’evażjoni ta’ madwar €670,000 f’taxxi. Bħalissa s-sigaretti qed jinżammu mid-Dipartiment tad-Dwana filwaqt li l-awtoritajiet konċernati inkluż l-OLAF u l-Europol ġew mgħarrfa bil-każ.