Filmat: “Konferma oħra tal-arroganza tal-PM”; Kellu l-parir biex ma jiftaħx l-iskejjel – Grech

Read in English.

Ċertezza li Robert Abela kellu l-parir tal-esperti mediċi li ma jiftaħx l-iskejjel mill-ewwel

Illum għandna konferma oħra tal-arroganza ta’ Robert Abela wara li ddeċieda illi jitneħħa konsulent ewlieni tas-saħħa pubblika għaliex ma qabilx ma’ dak li ddeċieda hu minn jeddu. Din id-deċiżjoni tikkonferma b’ċertezza li Robert Abela kellu l-parir tal-esperti mediċi li ma jiftaħx l-iskejjel mill-ewwel għaliex dan seta jkun ta’ detriment kbir għas-saħħa ta’ uliedna, tal-edukaturi u l-għalliema, tal-amministrazzjonijiet tal-iskejjel kif ukoll tal-familji tagħna. Dan hu Prim Ministru li ma jħallix lill-esperti mediċi jagħtu pariri kontra dak li jgħid hu u jrid jibqa' jiddeċiedi kollox waħdu mingħajr ma jagħti każ ħadd.

Posted by Bernard Grech on Monday, January 11, 2021

“Illum għandna konferma oħra tal-arroganza ta’ Robert Abela wara li ddeċieda illi jitneħħa konsulent ewlieni tas-saħħa pubblika għaliex ma qabilx ma’ dak li ddeċieda hu minn jheddu,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.

F’messaġġ fuq Facebook, Grech qal li din id-deċiżjoni tikkonferma b’ċertezza li Robert Abela kellu l-parir tal-esperti mediċi li ma jiftaħx l-iskejjel mill-ewwel għaliex dan seta’ jkun ta’ detriment kbir għas-saħħa ta’ uliedna, tal-edukaturi u l-għalliema, tal-amministrazzjonijiet tal-iskejjel kif ukoll tal-familji tagħna.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela hu Prim Ministru li ma jħallix lill-esperti mediċi jagħtu pariri kontra dak li jgħid hu u jrid jibqa’ jiddeċiedi kollox waħdu mingħajr ma jagħti każ ħadd. 

Kmieni t-Tnejn filgħodu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, l-MAM, ikkundannat it-tneħħija tal-konsulent mediku responsabbli mill-kordinazzjoni tal-COVID-19 fil-qasam tas-saħħa pubblika. Il-MAM qalet li t-tneħħija ta’ dan il-konsulent saret wara li rrakomandt kawtela dwar il-ftuħ tal-iskejjel wara l-vaganzi tal-Milied.

Sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-konsulent mediku hu Dr Kenneth Grech. Sorsi qrib il-MAM qalu li Dr Kenneth Grech irċieva telefonata mill-Ministeru għas-Saħħa jgħidulu biex iħalli minn xogħlu u jmur il-Ministeru għal xogħol ieħor.

Il-MAM mistennija tevalwa s-sitwazzjoni hekk kif se tlaqqa’ l-kunsill tal-Assoċjazzjoni biex tiddiskuti din it-tneħħija tal-konsulent mediku.

Fi stqarrija l-ġimgħa li għaddiet, matul il-jumejn ta’ strajk ordnat lill-għalliema, l-MUT spjegat li fl-laqgħa li kellha f’Kastilja, ġiet ikkonfermata komunikazzjoni mibgħuta minn uffiċjal għoli fl-awtorità tas-saħħa dwar il-pożizzjoni tagħhom fuq il-ftuħ tal-iskejjel. Minħabba din il-konferma, l-MUT talbet lill-Gvern biex issir analiżi u preżentazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa fuq din il-komunikazzjoni.

Nhar l-Erbgħa l-unjin żvelat li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-iskejjel ma jiftħux, iżda dan injorahom. Dan peress li nhar l-Erbgħa tħabbar numru rekord ta’ każijiet ġodda tal-coronavirus: 224 każ. Il-Ministeru baqa’ jiċħad dan, u laqgħat li saru l-Erbgħa u l-Ħamis filgħaxija kienu inkonklussivi. L-Erbgħa filgħaxija, għalhekk, l-MUT sejħet strajk ta’ jumejn.