Filmat: Konferma li armar tal-festi jxekkel il-ħajja tal-persuni b’diżabilità

Mix-xahar id-dieħel il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità se tibda tiltaqa’ ma’ 20 għaqda tal-festa, dwar l-armar matul il-jiem tal-festi.
Minn rapport li sar mill-KNPD matul ix-xhur tas-sajf u li tlesta fil-jiem li għaddew, jirriżulta li armar tal-festa li jitpoġġa speċjalment f’postijiet sensittivi bħall-bankini jispiċċa biex itellef il-mobilità ta’ persuni b’diżabilità speċjalment dawk li jagħmlu użu minn siġġu bir-roti.
Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Chairman tal-KNPD, Oliver Scicluna qal li dan ir-rapport jikkonferma għexieren ta’ rapporti li waslu lill-Kummissjoni dwar l-armar fil-festi.
Oliver Scicluna għamilha ċara li dan ir-rapport ma sarx biex jiġu attakkati l-festi imma l-għan tar-rapport kien li titqajjem iżjed kuxjenza, li l-armar tal-festi m’għandux ixekkel il-mobilità tal-persuni b’diżabilità, speċjalment meta ma jkunux jistgħu jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Din id-diffikultà għall-persuni b’diżabilità joħroġ ukoll mill-fatt li l-armar jintrama’ ġimgħat qabel il-festa u jibqgħu hemm sa’ ġranet wara.
Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Chairman tal-KNPD qal li l-Għaqda tal-Armar tal-Festi qed turi rieda tajba li trid tidħol f’diskussjoni mal-Kummissjoni biex l-armar waqt iż-żmien tal-festa jsir b’mod aħjar u li ma jtellifx l-aċċessibilità u l-mobilità ta’ persuni b’diżabilità.
Oliver Scicluna jemmen li b’din ir-rieda tajba s-sitwazzjoni għall-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabilità tmur għall-aħjar.
Enfasizza li għalkemm il-KNPD tista’ tuża l-liġi biex tinforza t-tneħħija ta’ armar ingubranti iqis li d-diskussjonijiet għandhom iwasslu għal ftehim.