Filmat: Kollezzjoni li tmur lura għas-seklu sittax

Kurċifiss miġjub Malta min-nies li ġew mal-Kavallieri jinsab qalb wirja ta’ madwar 500 kurċifiss fil-Gudja. Dan il-kurċifiss fih relikwa bil-Vero-Legno kif ukoll ħames timbri ta’ Gran Mastri u tal-membri tal-familja ta’ min ġabu Malta.
Fost din il-kollezzjoni interessanti wieħed isib kurċifiss magħmul minn kull tip ta’ materjal. Minn madreperla għaċ-ċeramika, minn injam sa fidda Maltija u Naplitana.
Il-kollezzjoni tinkludi kurċifissi minn kważi l-Ewropa kollha fosthom dawk minn artisti Maltin bħal Carlo Darmanin, Francesco Saverio Sciortino, Wistin Camilleri, Salvu ta’ Ħal Lija u oħrajn.
Il-kollezzjonist Jesmond Farrugia pproduċa dokumentarju qasir li jintwera waqt il-wirja. Il-filmat jispjegalek fid-dettall l-oriġini tas-salib, kif inbidlet il-forma tas-salib mal-milja taż-żmien, kif instab minn Sant’ Elena u ħafna aktar.
Kurċifiss antik ħafna li kien idur id-djar tal-morda fil-Gudja jinsab fiċ-ċentru ta’ din is-sala. Skont Farrugia, għadd ta’ nies għadhom devoti lejn dan il-kurċifiss sal-lum il-ġurnata u ta’ spiss iżuruh biex jitolbu quddiemu għall-bżonnijiet tagħhom u min jirringrazzjah għal xi grazzja li jkun qala’.
Din is-sena ġew inklużi numru ta’ kurċifissi bil-fonti magħhom li ġibdu interess kbir.
Minkejja li kulħadd jista’ jżur din il-wirja matul is-sena kollha b’appuntament, għall-perjodu tal-Għid se tkun miftuħa matul il-ġimgħa u fil-festi. Wieħed isib ukoll wirja oħra f’sala differenti b’żewġ settijiet ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
Għall-ħinijiet tal-ftuħ u aktar informazzjoni tista’ żżur il-paġna soċjali fuq Facebook: Crocefisso-Wirja tal-kurċifissi
Filmat u Ritratti: Ian Noel Pace