Filmat: Klinika ġdida se tinfetaħ f’Marsaxlokk

Ir-residenti ta’ Marsaxlokk u lokalitajiet oħrajn fil-viċinanzi se jkunu qed jirċievu servizzi tas-saħħa primarja fil-komunità hekk kif klinika ġdida se tkun qed tinfetaħ f’din il-lokalità.

Fi stqarrija il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li bħalissa għaddej xogħol ta’ ristrutturar. Il-klinika qed tinbena fuq art li hija propjetà tal-Università ta’ Malta li ngħatat lill-Primary HealthCare wara ftehim iffirmat f’Marzu.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar ix-xogħol u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li nstabet din l-art sabiex ir-residenti ta’ Marsaxlokk ikollhom ukoll aċċess faċli għall-kura primarja. Qal li tiftix kien ilu għaddej madwar tliet snin. Hu qal li l-klinika se tibda taċċetta klijenti sal-aħħar tal-2020.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Primary HealthCare, Roseanne Camilleri, spjegat li l-Klinika tal-Komunità ta’ Marsaxlokk se tkun qed issegwi l-għan ta’ Primary HealthCare sabiex tferrex is-servizzi tagħha b’mod effettiv fis-soċjetajiet u l-komunitajiet.

 Is-servizzi li se tibda toffri din il-klinika jinkludu:

  • Tobba
  • Infermiera
  • Pedjatri
  • Fiżjoterapisti
  • Speech and Language Therapy
  • Mental Well Being
  • Nutritionist
  • Phlebotomy

Dan ix-xogħol qed isir bħala parti mill-Holistic Overhaul of the Primary Healthcare programme li jkopri €10 miljuni ta’ fondi li ġew akkwistati minn Primary HealthCare Malta fl-2019  min-National Development Social Fund (NDSF).