​Filmat: Kimika biex partijiet minn magna jservu iktar

Student tal-Inġinerija fl-Università ta‘ Malta studja l-effetti ta‘ proċess elettriku fuq komponenti industrijali, li jwassal biex partijiet mill-magni jservu iktar.
Ma’ Newsbook.com.mt, Marvic Cordina spjega kif f’magni industrijali, diversi komponenti jiġu esposti għal livelli għoljin ta’ temperaturi u frizzjoni. Żied jgħid li dawn il-kundizzjonijiet inaqqsu l-ħajja ta’ dawn il-komponenti.
Spjega li għalkemm jistgħu jiġu użati lubrikanti, l-użu tagħhom qiegħed jonqos sabiex issir inqas ħsara lill-ambjent.
L-istudent saħaq li kisjiet bħal diamond-like carbon coating ġew żviluppati biex jintużaw minflok lubrikanti.
Marvic Cordina sab li jekk dawn il-kisjiet jiġu trattati b’proċess elettriku bl-isem ta’ plasma arc surface modification, dawn jiffunzjonaw madwar 17-il darba aħjar. Il-proċess jinvolvi l-użu ta’ plasma torch li juża l-elettriku biex jipproduċi fjamma li tiġi applikata fuq il-wiċċ tal-materjal.
Il-proġett ta’ Marvic Cordina huwa fost 80 proġett ta’ studenti tal-Inġinerija li ġie esebit f’wirja annwali li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fl-Università ta’ Malta.
Filmat: Ian Noel Pace