Filmat: Kif se jqattgħu l-Milied l-Arċisqof u l-Isqof Grech?

L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex Mario Grech it-tnejn qalu li fost id-dmirijiet kollha tagħhom lejn il-Knisja u s-soċjetà f’dawn il-festi, xorta waħda jsibu ħin xi jqattgħu mal-familja.

Newsbook.com.mt staqsa liż-żewġ mexxejja tal-Knisja Nisranija f’Malta u Għawdex kif iħobbu jqattgħu dan iż-żmien.

L-Arċisqof qal li lejlet il-Milied, huwa jkun qed iqarar lin-nies qabel ma jmur l-Imdina. Fil-11pm, fil-Katidral tal-Imdina, ikun hemm mument ta’ talb qabel ma tibda l-quddiesa ta’ nofsillejl.

Dakinhar tal-Milied, l-Arċisqof iqaddes quddiesa filgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta qabel ma jibqa’ sejjer il-Kurja sabiex isellem u jagħti l-awgurju tiegħu lid-diversi persuni u entitajiet li jaħdmu u jgħinu hemmhekk, fosthom lill-Caritas, li f’jum il-Milied se jorganizzaw ikla għal 500 persuna li m’għandhiex fejn tmur tiekol. Filgħaxija, imbagħad, l-Arċisqof iqatta’ l-ħin mal-familja.

Min-naħa tiegħu, l-Isqof Mario Grech, fir-risposta tiegħu, tkellem aktar fuq dak li jsir fil-perjodu tal-Milied, fosthom ikla organizzata mill-Ġiżwiti, ikla oħra għal 30 persuna li jinsabu waħedhom f’Ta’ Pinu u żjajjar lill-morda.

L-Isqof qal li jħoss li hu importanti wkoll li jsib ħin għalih innifsu, b’mod speċjali fil-mixi, għax iħobb ħafna jmur jimxi, u anke biex iqatta’ ħin mal-familja.