Filmat: Kif qed tintuża t-teknoloġija biex jiġu studjati l-gamiem?

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana stqarr li t-teknoloġija tgħin biex wieħed jifhem iktar l-isfidi li l-għasafar jaffaċċjaw fil-vjaġġi tagħhom. Insista li l-isfidi huma varji u l-informazzjoni hija kruċjali biex il-gamiem jiġu protetti u ma jkomplux jonqsu.

Waqt Newsbook Hour fuq 103, Mark Sultana qal li hemm ħafna problemi dwar il-gamiem fosthom:

  • l-agrikoltura goffa li ma tħallihx ibejjed jew fejn isib l-ikel,
  • minħabba l-bexx eċċessiv kif ukoll
  • l-impatt uman fuqu bħal kaċċa

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife rrimarka li l-Birdlife taħdem biex tistudja u tipproteġi l-ambjent. Permezz ta’ apparat teknoloġiku, li jaħdem permezz tax-xemx, u jiżen biss ħames grammi, l-għasfur qed jiġi armat b’għodda li titrażmetti permezz ta’ satellita, informazzjoni importanti li tgħin fil-ħidma biex dan jiġi protett.

Żewġ għasafar, Viriginus u Hope, qed jieħdu sehem f’dan il-programm ta’ studju.

“Differenza kbira fit-tniġġis”

Mistoqsi dwar l-impatt tal-imxija tal-Covid-19 fuq l-ambjent, Mark Sultana qal li l-poplu ħass id-differenza kbira fit-tniġġis. Irrefera speċifikament għall-effett pożittiv fejn tidħol l-arja wara li f’dan il-perjodu naqsu l-karozzi, cruise liners u l-ajruplani. Dan wassal biex in-nies bdew japprezzaw aktar il-kampanja u dak kollu li ġġib magħha. Stqarr li bdew jinnottaw ċerti għasafar fuq il-bjut tagħhom bħal Merill.

“Dan il-perjodu għen biex napprezzaw li n-natura u l-bniedem huma ħaġa waħda. Meta nindukraw in-natura nkunu qed nieħdu ħsieb saħħitna. Ikun żball jekk ma nitgħallmux minn dan”, żied jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife.

Huwa kkonkluda, li m’għandniex nerġgħu morru lura għall-mod goff li konna qabel, ħalli kulħadd igawdi dak il-well being fil-kwalità tal-ħajja li kulħadd għandu jkollu.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar