Filmat: Kif l-għanjiet tal-Milied għenu lill-Maltin isiru litterati

Kif jibda riesaq żmien il-Milied, nibdew nisimgħu l-għanjiet tal-Milied kull fejn immorru, iżda minkejja li llum il-ġurnata aktar nisimgħu kanzunetti barranin marbuta ma’ dan iż-żmien, mhux ħafna jafu dwar l-istorja tal-għanjiet tal-Milied Maltin u l-irwol importanti tagħhom fil-kultura Maltija.

L-għanjiet tal-Milied għenu lill-poplu Malti fil-mixja tiegħu lejn il-litteriżmu, għaliex dawn kienu jużaw diversi tekniki biex in-nies jiftakruhom ħalli jgħaddu minn fomm għall-ieħor permezz tat-tradizzjoni orali, u għax permezz tagħhom u ta’ xejriet oħra tat-tradizzjoni orali, il-Maltin draw jisimgħu diversi mekkaniżmi letterarji.

Dan hu s-suġġett tat-teżi ta’ Francesca Attard, li għadha kemm iggradwat b’Baċellerat fil-Malti bl-Unuri, u li se tagħti taħdita fuq l-istudju tagħha “L-Għanjiet tal-Milied: Xejriet Figurattivi, Indirizz u Arranġament tal-Ħoss” nhar it-Tlieta li ġej bħala parti mill-proġett tat-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

Dawn l-għanjiet, bħal dawk l-iżjed popolari “Il-Lejl tal-Milied” u “Ninni La Tibkix Iżjed,” imorru lura fuq 100 sena, u kienu jużaw tekniki mnemoniċi, jiġifieri li jgħinu lil dak li jkun biex jiftakarhom, bħar-rima u l-alliterazzjoni. Francesca ffukat fuq l-għanjiet reliġjużi Maltin, iżda nnutat kif mhux kollha kemm huma huma oriġinarjament Maltin, pereżempju “Il-Lejl tal-Milied” ġejja mill-għanja popolari Ingliża “Oh Silent Night,” iżda “Ninni La Tibkix Iżjed,” jew bl-isem propju tagħha “Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin,” hija għanja oriġinali Maltija, miktuba minn Patri Indrì Schembri.

Minkejja d-dehra u l-ħoss sempliċi tagħhom, l-għanjiet tal-Milied għenu lill-widna tal-poplu Malti biex tidra l-iskema popolari tar-rima u l-versifikazzjoni, li fil-każ tat-tradizzjoni orali, ġeneralment tkun l-ottonarju, il-vers bi 8 sillabi.

Xhieda tat-tradizzjoni orali ta’ dawn l-għanjiet huma n-numru ta’ varjanti tagħhom, fejn xi drabi, kliem ta’ għanja jvarja minn verżjoni għal oħra, peress li l-poplu Malti ma kienx jaf jikteb u jaqra u kienu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm biss.

It-taħdita ta’ Francesca Attard se ssir nhar it-Tlieta li ġej fis-6pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Il-proġett tat-Tradizzjoni Orali jikkonsisti f’sensiela ta’ taħditiet minn kelliema differenti li jħarsu lejn aspetti varji tat-tradizzjoni tal-lingwa mitkellma, pereżempju l-ħwejjeġ moħġaġa.