Filmat: X’jagħmlu bil-wafer fil-Milied il-Maltin fil-Polonja?

Soru Maltija li tagħmel parti minn kongregazzjoni Spanjola magħrufa bħala l-Karmelitani Missjunarji Tereżjani rrakkuntat kif isiru ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejliet il-Milied fil-Polonja.

Sr Maria Luisa Grech li kienet qed tiġi intervistata minn Fr Joe Borg, ilha tgħix il-Polonja mis-sittinijiet. Spjegat li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Polonja jibdew billi jfakkru l-ewwel stilla li toħroġ mad-dlam. Il-kap tal-familja jrodd is-salib, jaqra l-Vanġelu tat-twelid ta’ Ġesù u jagħti wafer fil-forma ta’ ostja mhux ikkonsagrata lil kull min ikun hemm preżenti. Din il-wafer ikollha figura reliġjuża fuqha. Il-Kap jagħti wkoll orazzjoni żgħira.

Is-soru li llum għandha 75 sena, spjegat li wara dawn il-passi, tnejn tnejn jaqsmu biċċa mill-wafer ma’ xulxin u jawguraw il-barka tal-Mulej u l-Madonna. Irrakkuntat kif dan is-simbolu jitlob ukoll li wieħed jirringrazzja l-persuna li tkun qasmet il-wafer miegħu u jitlob skuża hekk kien hemm xi nuqqas. Dan qalet sabiex ikun hemm armonija.

Irrakkuntat kif din hija użanza antika u anke kienu jużawha fil-kampijiet tal-konċentrament. Spjegat li mbagħad jagħmlu ikla, jkantaw ftit kanzunetti tal-Milied u jmorru jfittxu r-rigali taħt is-siġra tal-Milied. Wara jibqgħu sejrin il-parroċċa għall-Quddies ta’ nofsillejl.

Il-kongregazzjoni li tappartjeni għaliha Sr Grech inbdiet minn Fr Francis Palao. Qalet li jagħmlu xogħol varjat skont il-possibiltajiet tal-komunità. Qalet li hemm ħames sorijiet f’din il-Kongregazzjoni fil-Polonja, waħda taħdem ma’ persuni li m’għandhomx dar, oħra taħdem ma’ tfal ta’ familj diffiċli, oħra taħdem bħala infermiera fid-djar, u oħra tagħti l-lezzjonijiet.